Xtaqt nirringrazzja lill-Arċisqof għal ħafna raġunijiet, imma fuq kollox għal waħda: li ma tkellimx dwar ‘il-morda’… Semmiehom! Jafhom b’isimhom! Dan hu eżempju, għax il-karità hi konkreta, l-imħabba hi konkreta. Irrodd ħajr kbir lill-Arċisqof għal din id-drawwa. Kull persuna, f’saħħitha jew marida, kbira jew żgħira, kull persuna għandha d-dinjità.

Id-dinjità tidher fl-isem u huwa jaf l-isem. Sabiħ ħafna. Issa nawgura li din id-drawwa tibqa’ għax darba sibt kappillan ta’ parroċċa fuq il-muntanja – kellu tliet villaġġi – u għidtlu: “Imma kif jirnexxilek tiftakar l-ismijiet tan-nies kollha? Hu weġibni: “Jien naf ukoll l-ismijiet tal-klieb li għandhom il-familji!” Issa nawgura (lill-Arċisqof) li jitgħallem ukoll l-ismijiet tal-klieb!

Għeżież ħbieb,

qabel il-barka tal-aħħar nixtieq insellem lil kulħadd lil kulmin hawn f’dil-pjazza tant majestuża. Irrodd ħajr lill-Isqof għall-kliem li ndirizzali u fuq kollox, għat-tħejjija ta’ diż-żjara, u miegħu lil bosta kollaboraturi, speċjalment għal-liturġija – bravi dawn tal-liturġija; applaws lis-surmast u lil kulħadd – u għal tant servizzi oħra; kif ukoll lil tant persuni li ħadu sehem permezz tat-talb.

Lill-morda niżgurahom li jien qribhom – sellimt lil ħafna minnhom -, lill-ħabsin li xtaqu jiġu u jinsabu hawn peżenti, lill-migranti – Trieste hi bieb miftuh għall-migranti – u dawk kollha li l-aktar jitħabtu mal-ħajja.

Trieste hi waħda minn dawk il-bliet li għandhom il-vokazzjoni li jlaqqgħu nies differenti: qabel kollox għax hi port, port importanti, u mbagħad għax tinsab f’salib it-toroq bejn l-Italja, l-Ewropa Ċentrali u l-Balkani. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-isfida għall-komunitajiet ekkleżjali u għal dik ċivili hi li jagħrfu jlaqqgħu flimkien il-ftuħ u l-istabbiltà, l-akkoljenza u l-identità. U allura jiġini li ngħid” “għandkom kollox f’postu”. Grazzi! Għandkom kollox f’postu biex tilqgħu għal din l-isfida!

Bħala nsara għandna l-Evanġelju li jagħti sens u tama lil ħajjitna; u bħala ċittadini għandkom il-Kostituzzjoni, “boxxla” ċerta għall-mixja tad-demokrazija.

Allura, ibqgħu mexjin! Imxu! Bla biża’, miftuħin u sodi fil-valuri umani u nsara, akkoljenti imma mingħajr kompromessi fuq id-dinjità umana. Dwar din mhemmx logħob.

Minn dil-belt inġeddu l-impenn tagħna biex nitolbu u naħdmu għall-paċi: għall-Ukrajna mifluġa, għall-Palestina u għal Iżrael, għas-Sudan, għall-Myanmar u għal kull poplu li qed ibati minħabba l-gwerra. Ninvokaw l-interċessjoni tal-Verġni Marija, meqjuma fuq il-Muntanja Brisa, bħala Omm u Reġina.

Sors: laikos.org