L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-kelma ta’ Alla li smajna llum fil-festa tal-Beatu Nazju Falzon hi l-Kelma ta’ Alla li llum tinqara fil-knejjes kollha madwar il-Knisja Kattolika. Noħduha wkoll bħala providenza aħna u nitolbu l-interċessjoni ta’ dan ir-raġel twajjeb, Beatu Malti, wieħed minna, li l-Mulej sejjaħ għall-qdusija bħalma jsejjaħ għall-qdusija lil kull wieħed u waħda minna.
Kien minn familja li kellha l-ġid, familja tajba ħafna. Tgħallem u ggradwa bħala avukat imma ma kienx imħajjar għal dik il-linja. Sar kjeriku imma lanqas ħass li kien jistħoqlu jkun saċerdot. U għalkemm fl-ikonografija narawh imlibbes bis-suttana, la kien djaknu u lanqas saċerdot. Infatti ngħidulu l-Beatu kjeriku Nazju Falzon. Imma l-fatt li kien kjeriku, bħala xi ħadd li kien jilbes is-suttana kien irċieva t-tonsura mill-isqof taż-żmien, kien iddedika ħajtu biex jgħallem lil poplu.
Il-Belt kien magħruf għall-karità, it-tjubija tiegħu ul-kuxjenza delikata tiegħu. Tgħallem ukoll l-Ingliż biex ikun ta’ servizz għall-baħrin li kienu jaslu fil-Port il-Kbir. Laħaq ikkonverta madwar erba’ mitt baħri u suldat Ingliż, li qabel il-gwerra tal-Krimea kienu jgħaddu hawnhekk, jafu li x’aktar mhux se jaraw iżjed lill-qraba tagħhom, u jafdaw ma’ Nazju Falzon l-aktar affarijiet għeżież tagħhom – xi ittra għal qrabathom, imbagħad kienu jintbagħtu l-Krimea, ħafna minnhom ma rritornawx lura għax mietu hemm. U ħafna minnhom laħqu saru Kattoliċi qabel telqu għall-aħħar jiem ta’ ħajjithom bħala suldati mibgħutin fil-gwerra.
Nitolbu wkoll bl-interċessjoni ta’ Nazju Falzon għax proprju anke dan iż-żmien fil-Krimea, bħal fi żmienu, il-Krimea sal-2014 kienet tagħmel parti mill-Ukrajna, illum meħuda mir-Russja. Illum ukoll fejn kienu jintbagħatu dawk is-suldati li kien jgħin, hemm il-gwerra. Nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex jidħol quddiem Alla għal tant suldati li qed imutu aħna u nitkellmu, fl-istess inħawi fejn fi żmienu kien hemm inkwiet kbir. Nazju ħalli togħma sabiħa ta’ mħabba, ta’ qdusija, ta’ safa’ u ta’ għerf. Għandna ħafna x’nitolbu lilu. Għandna ħafna x’nitolbu minnu.
L-inġustizzji l-kbar jibdew b’ħafna żgħar. Allura qabel nibdew ninkwetaw fuq il-kbir, nieħdu ħsieb iċ-ċkejken għax dik forsi nistgħu nagħmluha aħna u l-kbir jkollu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.
Fl-ewwel qari l-profeta jwissi lill-poplu, jgħidlu: “intom ismi fuq fommkom imma mbagħad tittrattaw lil xulxin, b’mod speċjali lill-fqir u l-batut ħażin ħafna. Qisu li jekk tagħmlu hekk fuqkom se jiġu konsegwenzi koroh.” Aħna nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-Beatu Nazju biex fostna dejjem nirrispettaw lil xulxin, nieħdu ħsieb xulxin, u nimxu bis-sewwa. Il-profeta jagħmel lista ta’ inġustizzji li jtaqqlu l-kuxjenza tal-poplu.
Fil-ħajja faċli tipponta subgħajk lejn l-oħrajn, tajjeb nistaqsu lilna nfusna: “imma jien parti minn din l-inġustizzja? Hemm xi ħaġa x’nista’ nirranġa anke fil-familja tiegħi li forsi mhux sewwa, forsi fittixt lili nnifsi biss u ma ħsibtx f’ħaddieħor?” Għaliex l-inġustizzji l-kbar jibdew b’ħafna żgħar. Allura qabel nibdew ninkwetaw fuq il-kbir, nieħdu ħsieb iċ-ċkejken għax dik forsi nistgħu nagħmluha aħna u l-kbir jkollu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Imma jekk nibdew biċ-ċkejken tagħna, id-dinja nħalluha aħjar milli sibnieha. Bħalma għamel Nazju.
Nazju m’għex ħajja kbira ħafna imma ma kienx anzjan meta miet. Imma għamel ħafna ġid. Aħna l-Mulej sellifna l-għomor, sellifna l-ħin, nitolbu l-interċessjoni ta’ Nazju Falzon biex dan il-ħin nużawh biex nagħmlu l-ġid. U bħalma nagħmlu meta nitolbu l-interċessjoni tal-qaddisin Maltin l-oħrajn, San Publiju, Beata Adeodata Pisani, San Ġorġ Preca, nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-Beatu Nazju għal pajjiżna biex l-Mulej jikkonverti l-qalb tagħna, kultant naqra iebsa u xierfa għall-ħniena tiegħu, għall-ħniena tal-Mulej u din il-ħniena nuruha qabel kollox u fuq kollox ma’ xulxin, bejnietna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 2:6-10,13-16
Salm: 49 (50):16bċ-17,18-19,20-21,22-23
L-Evanġelju: Mt 8:18-22