L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda” (Mk 4:38) Dan id-dettall fir-rakkont tal-Evanġelju skont San Mark illum, meta qed jitkellem fuq Ġesù mad-dixxipli tiegħu, baqa’ fil-moħħ u fil-qalb tal-ewwel Insara. Din il-ġrajja turi lil Ġesù mad-dixxipli tiegħu fuq id-dgħajsa, waqt li qed jaqsmu l-baħar tal-Galilija; imma turina wkoll li Ġesù kien f’post partikulari – fil-poppa, in-naħa ta’ wara tad-dgħajsa.
Din il-ġrajja d-dixxipli baqgħu jiftakruha għax dak inhar qamet tempesta, u diversi mid-dixxipli kienu midħla ta’ xi tfisser tempesta f’dak il-baħar. Qam riefnu kbir u l-mewġ beda dieħel fid-dgħajsa hekk li kienet diġa bdiet timtela bl-ilma. U f’din il-maltempata kollha,
Ġesù kien rieqed fuq imħadda. Għalhekk id-dixxipli tiegħu tahom ġenn. Ma setgħux jifhmu kif qalb din it-tempesta kollha Ġesù baqa’ rieqed, u marru jqajmuh. U jgħidulu: “Dan qisu mhu xejn għalik li se nintilfu?” (Mk 4:38) U Ġesù jqum, iwaqqaf it-tempesta b’mod li ġiet “kalma kbira”, u lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (Mk 4:40)
L-Ewwel Insara
L-ewwel Insara baqgħu jiftakru f’din il-ġrajja għax kienu jaraw fiha għajnuna għalihom speċjalment meta kienu jgħaddu minn żmien diffiċli fil-ħajja tagħhom. Kienu jgħaddu mhux biss minn diffikultajiet u problemi li ngħaddu minnhom aħna lkoll, imma kienu wkoll ippersegwitati minħabba l-fidi tagħhom; xi wħud minnhom spiċċaw mietu martri. Kienu esperjenzi kiefra għalihom.
Imma dil-ġrajja kienet tfakkarhom kif Ġesù kien qisu mhux hemm għax rieqed, imma kien hu li fil-fatt għen biex it-tempesta ma titfax lid-dixxipli l-baħar u tgħarraqhom. Kienet ġrajja li tagħmel kuraġġ lill-ewwel Insara.
Nixtieq li nħarsu lejn din il-ġrajja u naraw x’tgħid lilna fil-ħajja tagħna llum.
It-tempesti parti mill-ħajja
L-ewwel nett dil-ġrajja turina li t-tempesti huma parti mill-ħajja tagħna. Aħna lkoll ngħaddu minn żminijiet diffiċli – ġieli fil-familja, fix-xogħol, fis-soċjetà, jew minħabba diffikultajiet ma’ xi persuni partikulari. Jista’ jkun il-mard. Jistgħu jkunu problemi li niltaqgħu magħhom u li jtaqqlulna qalbna. Ma nistgħux nippretendu li fil-ħajja ma niltaqgħux ma’ dak li hu iebes, mal-mumenti ta’ dlam.
Ġesù qatt ma qalilna li jekk nemmnu fih mhux se jkollna tempesti fil-ħajja. U lanqas ma qalilna li jekk hu jkun magħna, mhu se jinqala’ xejn. Fid-dgħajsa Ġesù kien hemm, u l-preżenza tiegħu ma kinetx tfisser li d-dgħajsa se ssib il-baħar kalm u jibqa’ dejjem hekk.
Il-preżenza ta’ Ġesù tagħmel id-differenza kollha
It-tieni messaġġ importanti f’dil-ġrajja hu li meta għandna lil Ġesù magħna, għandna l-preżenza li tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna. Ġieli nħossu qisu mhuwiex hemm, qisu rieqed. Kultant jiġrilna hekk, u jkollna l-istess reazzjoni tad-dixxipli: “dan qisu mhu xejn għalik…?” (Mk 4:38)
Imma d-dixxipli għarfu li mingħajr Ġesù kienu jispiċċaw kollha jintilfu; imma b’Ġesù
magħhom, kellhom dik il-qawwa meħtieġa biex jegħlbu t-tempesta. Hekk tagħmel il-
preżenza ta’ Ġesù magħna fil-ħajja tagħna.
Innutaw fejn kien Ġesù. L-Evanġelju jgħid li kien “fil-poppa” – fil-post minn fejn tagħti d-direzzjoni lid-dgħajsa, u minn fejn tikkontrolla l-istabbilità tagħha. Huwa Ġesù li jista’ jagħti d-direzzjoni vera fil-ħajja tagħna, u li jġib l-istabbilità li neħtieġu. Miegħu nafu li aħna fiż-żgur, u li mexjin fit-triq it-tajba. Lilu rridu nħallu fil-poppa.
Nitolbu lil Ġesù bil-qalb
It-tielet messaġġ hu dan. X’għamlu d-dixxipli fid-dgħajsa? Marru fuq Ġesù u talbuh bil-ħerqa. Kienu f’mumenti ta’ paniku, imma daru lejn Ġesù.
Hu importanti li jkollna fina din il-konvinzjoni fil-ħajja tagħna li nduru fuq Ġesù u nitolbuh. Għandna nitolbuh f’waqtiet differenti tal-ħajja tagħna – meta sejrin tajjeb, meta nkunu ferħanin b’dak li ngħaddu minnu, imma wkoll meta l-affarijiet mexjin ħażin u jinqalgħu l-problemi u d-diffikultajiet. Kultant inħossu qisu mhuwiex hemm, u t-talba tagħna tkun bħal dik tad-dixxipli: Mulej, urina li int preżenti u bil-qawwa tiegħek, għinna negħlbu t-tempesti ta’ ħajjitna.
Nitolbuh ukoll biex isaħħaħ fina l-fidi. Dan kien li Ġesù qal lid-dixxipli: “Mela ma
għandkomx fidi?” Fil-fatt, huma kellhom fidi li hu seta’ jagħmel xi ħaġa, li seta’ jsikket it-
tempesta. Ma qalux: inutli nqajmuh! Imma l-fidi tagħhom kienet qisha fidi li tgħid li lil Ġesù trid tiġbidlu l-attenzjoni, trid tqajmu, għax inkella qiegħed hemm għalxejn. Il-fidi li jrid Ġesù mid-dixxipli hi l-konvinzjoni li hu dejjem qiegħed magħna, dejjem preżenti. Anke meta jinħass qisu assenti, hu qed jakkumpanjana u żgur ma jħalliniex nintiflu. Kif jgħid Ġesù lill-appostli meta jagħtihom il-missjoni qabel tela’ s-sema: “jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).
Ispirati minn din il-ġrajja sabiħa li tant impressjonat lill-Ewwel Insara u tant kienet ta’
għajnuna għalihom, nitolbu lill-Mulej biex qatt ma naqtgħu qalbna fit-tempesti tal-ħajja, qatt ma nħossuna waħedna, imma biex nagħrfu l-preżenza tiegħu kollha mħabba li tagħmel id-differenza kollha f’ħajjitna. Nitolbuh bit-talba li darba għamlulu l-apposti tiegħu stess: “kattar fina l-fidi” (Lq 17:5).
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju