Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed torganizza konferenza pubblika bit-titlu: “Il-Kunsilli Lokali, fadlilhom skop?” Din il-konferenza se ssir fil-21 ta’ Mejju fis-6p, f’Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera.
Fi ftit ġimgħat oħra, l-elettorat se jiġi msejjaħ biex jivvota fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Madanakollu skond il-Kummissjoni, bl-attenzjoni iffukata fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, hemm ir-riskju reali li ma tingħatax l-importanza mistħoqqa lil numru ta’ mistoqsijiet urġenti rigward ir-rwol u l-iskop tal-Kunsilli Lokali.
Per eżempju:
– Il-Kunsilli Lokali saru biss ċentri ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini?
– Ir-residenti huma konxji tar-rwol veru tal-kunsilliera lokali? Jew jemmnu li r-responsabiltajiet tal-Kunsilli Lokali huma ħafna usa’ milli fil-fatt huma, bir-riżultat li ta’ spiss ir-residenti jibqgħu iddiżappuntati?
– Il-Kunsilli Lokali saru għodda partiġġjana, fejn il-prijorità tingħata aktar lill-interessi tal-partit politiku tal-kunsilliera, aktar milli l-bżonnijiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti?
– Il-Kunsilli Lokali saru estensjoni tal-gvern nazzjonali minflok mezz kif il-parteċipazzjoni lokali tissaħħaħ?
Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li huwa wieħed mill-pilastri tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li l-Kunsilli Lokali huma msejħa biex ikollhom rwol kruċjali fil-komunitajiet tagħna. Quddiem l-interess dejjem jonqos fil-Kunsilli Lokali u l-periklu ta’ diżillużjoni fost il-kunsilliera lokali nfushom, l-iskoperta mill-ġdid tar-rwol u l-iskop tal-Kunsilli Lokali – flimkien mal-allokazzjoni ta’ riżorsi xierqa – jistgħu jgħinu biex, kemm jista’ jkun, id-deċiżjonijiet jittieħdu min-nies li huma l-eqreb lejn il-ħajja tal-komunità.
Kelliema:
- Dr George Vital Zammit (Lettur Anzjan fid-Dipartiment tal-Politika Pubblika, Università ta’ Malta)
- Rita Grima (Sindku taż-Żurrieq)
- Dr Dorian Sciberras (Sindku tal-Iklin)
- Steve Zammit Lupi (Kunsillier f’Ħaż-Żebbuġ)
Irreġistra għall-konferenza fuq [email protected].
(Id-diskussjoni ser issir bil-Malti.)