Il-Kappella tas-Sagra Familja f’Birżebbuġa se titreġġa’ għall-istat oriġinali tagħha wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess għal proġett ta’ restawr bi ftehim bejn il-Parroċċa ta’ San Pietru u l-Gvern.

Il-kampnari u l-portiku tal-kappella kienu tneħħew fl-1978 minħabba tħassib dwar is-sigurtà kawża ta’ snin ta’ negliġenza, iżda fl-aħħar snin inħass il-bżonn li jsir dan il-proġett u l-kappella tirritorna għal kif kienet qabel. Ir-restawr, bi pjanijiet ta’ tal-espert fl-Arkitettura Klassika Vincent Centorrino se jagħti mill-ġdid dehra oriġinali lil dan il-bini li ngħata protezzjoni ta’ Grad 1 fl-1992.

Il-permess kellu jinħareġ lejn l-aħħar ta’ Settembru, iżda oġġezzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) minħabba nuqqas ta’ aċċessibbilità wasslet għal dewmien ta’ 5 xhur biex ħareġ il-permess.

L-uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien responsabbli mill-applikazzjoni ma ra l-ebda kwistjoni dwar it-tħassib imqajjem mis-CRPD, għaliex innota li x-xogħol ta’ restawr ma kienx se jbiddel l-aċċessibbiltà tal-kappella. Madankollu, meta l-Kummissjoni tal-Ippjanar iddiskutiet l-applikazzjoni fid-29 ta’ Settembru, qablet mat-tħassib tas-CRPD.

F’dik id-deċiżjoni, il-perit ingħata tliet xhur biex jikseb l-approvazzjoni mill-Bord li Jiddetermina x’Inhu Raġonevoli (TORB), li jieħu deċiżjonijiet dwar dak li raġonevoli taħt l-Att Opportunitajiet Indaqs.

Eventwalment intlaħaq kompromess meta l-perit ippreżenta soluzzjoni sempliċi li titpoġġa rampa riversibbli tal-injam li tipprovdi aċċess għal persuni bi problema ta’ mobbiltà li jixtiequ jaċċessaw il-kappella.

Fid-dawl ta’ dan, il-pjanijiet riveduti tressqu fl-10 ta’ Ottubru, flimkien ma’ konferma li s-CRPD kienet waqgħet l-oġġezzjonijiet tagħha, u l-permess inħareġ nhar il-Ġimgħa li għadda, biex b’hekk jista’ jibda xogħol taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Waqt li ntemm il-proċess tal-offerti, l-ispiża tal-proġett hi stmata li tilħaq il-€100,000.

Kappella li tmur lura għas-Seklu 19

Fl-1864, Dun Antonio Albanese u l-Perit Luigi Doublet kienu appellaw lill-awtoritajiet Ekkleżjastiċi biex jibnu knisja żgħira għall-komunità u ftit wara t-talba tagħhom kienet ġiet approvata fi plot fit-Triq iż-Żurrieq.

Il-kappella nbniet f’forma ta’ salib, bil-faċċata tagħha tinkludi portiku, żewġ kampnari u statwa tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża, li għadha parti mill-faċċata. Matul is-snin, il-kappella ntużat għal diversi skopijiet fosthom bħala maħżen għat-tiżjin tal-festa u eventwalment għaddiet għand il-membri tal-Leġjun ta’ Marija biex ikunu organizzati l-laqgħat ta’ dan il-grupp reliġjuż.

Ritratt: Simon Reinhardt – Wikimedia Commons

Sors: Newsbook Malta