L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli nibda din ir-riflessjoni tiegħi, fis-solennità ta’ Ġesù Sultan tal-Ħolqien kollu, billi nistedinkom toffru din it-talba tal-Għasar, għall-bżonnijiet tal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Dalgħodu, waqt li qed insegwi l-Angelus, irrealizzajt li għandna bżonn ħafna nitolbu għalih, biex il-Mulej jagħtih is-saħħa bil-kalma u bil-paċenzja.

Fl-Assemblea Djoċesana, li temmejna proprju ftit tal-jiem ilu, nedejna sena ġdida ta’ ħidma flimkien, waqt li ltqajna l-istedina li kien għamel il-Papa Franġisku prattikament 10 snin ilu, fl-24 ta’ Novembru 2013, meta lill-Knisja stedinna li tkun Knisja li toħroġ. Waqt li qed nirrifletti fuq din il-ħaġa, li qsamt ukoll ma’ ħuti li kienu preżenti fl-Assemblea, u ovvjament flimkien għandna bżonn inkomplu naħsbu fuq din il-missjoni, fuq din is-sejħa partikolari. Iltqajt ma’ frażi ta’ Santu Wistin, li laqtitni, u li fuqha nixtieq nibni r-riflessjoni tiegħi llum. Ħa ngħidha kif kitibha hu bil-Latin biex jifhem kulħadd: ‘Incipit exire qui incipit amare’ (jibda joħroġ min jibda jħobb). Laqtitni ħafna din l-espressjoni f’kummentarju li Santu Wistin kiteb għas-salm 64, u nafu li l-episkopat ta’ Santu Wistin, fl-Afrika ta’ fuq, dak li llum nafuh bħala l-Alġerija, kien episkopat fi żmien ta’ kriżi kbira. Imma f’dan ir-ragħaj qaddis, il-poplu sab kelma ta’ faraġ, kelma ta’ għerf, kelma vera u ta’ fedeltà.

Min irid jibda joħroġ, tibda toħroġ billi tibda tħobb. U din hi b’xi mod, frażi li allura tiġbor is-sens li tkun Knisja li toħroġ. Knisja li ma tibżax tirriskja u tiltaqa’ mal-poplu ħaj ta’ Alla, fejn qiegħed, fis-sitwazzjonijiet tad-diffikultà, ta’ disaġju, ta’ vulnerabbiltà li fih qiegħed. Hi stedina allura, li noħorġu mill-fosdqa tal-kumditajiet tradizzjonali tagħna, u niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj, fil-kategoriji li hu stess isemmi fl-Evanġelju tal-lum. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Qed jgħidilna, li jekk irridu niltaqgħu miegħu, irridu nsibuh f’ħutna li huma bil-ġuħ u bil-għatx; f’ħutna li għandhom bżonn min ilibbishom; f’ħutna li għandhom bżonn min iżurhom; f’ħutna li għandhom bżonn li wieħed jittrattahom b’dinjità, bil-ġustizzja u bl-imħabba.

Imma din il-kelma fqira, aħna llum ngħiduha f’kuntest ta’ vjolenza totali, madwarna. Niftħu l-mezzi tax-xandir, u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, u l-ispettaklu li naraw quddiemna hu spettaklu terribbli, ta’ swied il-qalb, ta’ vjolenza, ta’ kefrija, u mibgħeda; anke fl-art li fiha u fuqha għex Ġesù. Imma mhux hemm biss. U jien nistaqsi lili nnifsi, l-aħwa, u ta’ min ninstaqsu lilna nfusna, aħna li llum inġbarna biex inqimu lill-Mulej, Sultan tal-Ġnus, u li tant aħna devoti tat-tradizzjonijiet għeżież tagħna, marbutin magħhom, attakkati magħhom. Dawn huma xprun għalina biex noħorġu fid-dawl u bit-togħma tal-imħabba? Għaliex biex nieħdu bis-serjetà din il-frażi sabiħa ta’ Santu Wistin: ‘Incipit exire qui incipit amare’ (jibda joħroġ min jibda jħobb). Allura, Knisja li toħroġ, hi Knisja li tħobb. Knisja li f’kull kelma li tgħid, f’kull ħsieb tagħha, f’kull għemil tagħha, meta tagħsru ma ssib xejn ħlief imħabba. Dan huwa l-eżami tal-kuxjenza l-aħwa, li rridu nagħmlu lkoll kemm aħna, jien l-ewwel wieħed. Kull kelma li ngħid, kull ħsieb tiegħi, kull atteġġjament tiegħi, kull ħarsa tiegħi, kull inizjattiva li nieħu, fil-jum meta l-Mulej jiġġudikani, kif se toqgħod fil-miżien tal-imħabba?

Kull ħarsa tiegħi, kull inizjattiva li nieħu, fil-jum meta l-Mulej jiġġudikani, kif se toqgħod fil-miżien tal-imħabba?

Jiena nesiġi, fid-djalogu maż-żgħażagħ Ta’ Qali, insistejt fuqha lbieraħ, mill-kollaboraturi tiegħi, li meta lis-soċjetà tagħna, niddjalogaw magħha, fuq il-kwistjonijiet tad-drittijiet umani, tal-ġustizzja, tal-onestà, anke fil-politika, tal-ħakma tad-dritt, tal-ġlieda tal-korruzzjoni, għandna bżonn inkunu ta’ kuraġġ u leali, imma qatt ma għandna nonqsu mill-imħabba. Ma tistax inti, tiddefendi l-verità, u tgħajjar lil xi ħadd. Għaliex li toħroġ fid-djalogu fejn hemm il-bżonn tal-kelma tal-verità u tal-ġustizzja, ma jfissirx li tonqos mit-triq tal-imħabba. Knisja li toħroġ hi Knisja li tħobb.

Allura f’din is-sena hemm bżonn inkomplu nippromwovu mhux biss inizjattivi ta’ djalogu, speċjalment ma’ ħutna li skandalizzati min-nuqqas tal-imħabba tagħna, telqu għax delużi, urtati, imweġġgħin. Imma mhux biss niddjalogaw magħhom, imma b’mod konkret inkomplu nkunu preżenti kull fejn hemm l-iżjed bżonn. Il-Knisja f’Malta kontinwament tagħmel dixxerniment, li fejn hemm servizzi li kienet pijuniera, imma ħaddieħor issa qed jagħmilhom aħjar, tidħol bi sħab ma’ elementi importanti tas-soċjetà, u tidħol fejn hemm bżonn l-id tal-kollaborazzjoni, tal-imħabba, u tas-solidarjetà. Imħabba konkreta.

Din is-sena hemm bżonn inkomplu nippromwovu mhux biss inizjattivi ta’ djalogu, speċjalment ma’ ħutna, li skandalizzati min-nuqqas tal-imħabba tagħna, telqu għax delużi, urtati, imweġġgħin.

Ejjew l-ewwel nett nibdew il-mod kif nitkellmu fuq xulxin. F’dinja fejn il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali kibru, u saru parti essenzjali mill-ħajja tagħna, nistaqsu lilna nfusna, jekk kibritx il-komunikazzjoni vera, jew kibirx iżjed l-odju u l-kliem li joffendi lil xulxin. U rridu nammettu l-aħwa, dawn huma għażliet li nagħmlu aħna ta’ kuljum, nibdew minna nfusna. Inutli noqgħodu ngħidu u ngergru. Illum hawnhekk iltqajna biex il-Mulej nitolbuh jagħtina l-għajnuna, inkunu dawk li minflok jisħtu, il-kelma tas-saħta, id-dlam jixegħlu xemgħa; il-motto famuż ta’ Christopher News, ma nafx jekk tiftakruhomx il-fuljetti ta’ żgħożiti. Il-fundatur tagħhom kellu dan il-motto: ‘It is better to light a candle, than to curse the darkness’.

Inutli tisħet id-dlam, ixgħel xemgħa, kun int il-fjamma, kun int il-musbieħ, li bil-fjamma debboli, dgħajfa tiegħek, ikisser id-dlam. Immaġina, x’effett ikollhom ħafna dwal ċkejknin, id-dlam qawwi skur jingħeleb, mhux bil-qawwa, mhux bl-arroganza, imma bil-fjamma dgħajfa ta’ kull wieħed u kull waħda minna.

Il-Knisja li toħroġ hi Knisja li tħobb. In-Nisrani li jrid ikun parti minn din l-avventura ta’ Knisja li toħroġ bħala familja jrid ikun nisrani li bħala l-atteġġjament fundamentali ta’ ħajtu, iħobb lil Alla, iħobb lill-proxxmu, u jħobb lilu nnifsu.

Ejjew nitolbu biex il-Mulej illum, f’din il-festa solenni, jagħtina din il-grazzja. Qui incipit exire, min jibda joħroġ hu dak li jibda jħobb.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 34, 11-12.15-17
Salm: 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: 1 Kor 15, 20-26.28
L-Evanġelju: Mt 25:31-46

Aktar ritratti