L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-sena diġà smajna bil-kelma ‘talent’. Jekk tiftakru f’wieħed mill-Ħdud kellna l-parabbola sabiħa ta’ Ġesù dwar il-maħfra ta’ dawk it-tnejn li kellhom jagħtu somma ta’ flus, wieħed kellu jagħti lil sidu 10,00 talent. U għedna li talent hi kelma antika li tfisser kejl tad-deheb jew tal-fidda. Hu kejl qawwi ħafna. Illum meta ssarraf talent jew ta’ fidda jew tad-deheb, qed nitkellmu dwar mijiet ta’ eluf, jekk mhux miljuni.
Imma fil-lingwa tagħna dan il-kejl, talent sar ifisser ukoll kapaċità li wieħed għandu. Kemm għandu talenti! Anke bl-Ingliż ngħidu: ‘he or she is a talented person’. Imma għaliex? Għaliex il-kultura tagħna impressjonata ħafna bil-parabbola tal-lum fejn wieħed jirċievi dan il-kejl ta’ investiment ta’ deheb jew fidda u mistieden iħaddimhom. U meta aħna ngħidu: ‘għandek talent, ħaddmu’, mingħajr ma nafu forsi, imma għaliex il-kultura tagħna ħadet, propju xorbot, mid-dawl tal-Evanġelju, qed infakkru fil-parabbola li smajna llum mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Il-Mulej qed jgħallimna li l-ewwel nett kulħadd għandu responsabbiltajiet, mhux kulħadd l-istess. Waħda mill-affarijiet li tolqotni fil-parabbola ta’ Ġesù hu li, mingħajr ma jiġġustifika għaliex, dan is-sinjur tal-parabbola li kien se jsiefer, isejjaħ lill-qaddejja tiegħu – lil wieħed jagħtih ħames talenti, lill-ieħor tnejn, lill-ieħor wieħed. Ma jgħidx għaliex.
Żgur imma jgħid: “Kull wieħed skont il-ħila tiegħu” (Mt 25:15). Mela qed jgħidilna wkoll li dak li qed jiġi afdat lilek fil-ħajja hu skont il-qies tiegħek. Aħna bil-Malti, x’ngħidu? Skont il-muntanja s-silġ. U kulħadd ikollu salib jiġih, tailor-made, skont il-ħila tiegħek, skont kemm tiflaħ. Imma hi responsabbiltà wkoll.
Li hemm bżonn nifhmu llum hu li se jkollna nagħtu kont tal-ħiliet tagħna, ta’ dak li l-Mulej afdalna. U l-Mulej jafdalna relazzjonijiet, imħabbiet, esperjenzi, ħiliet, ix-xogħol li għandna nagħmlu, id-dover li għandna. Dawn huma kollha talenti. Huma kollha rigal tal-Mulej u rridu nagħtu kont tagħhom. Forsi l-kelma li tiġbor, anke għax hi kelma ta’ moda kbira lum, li tiġbor is-sinifikat profond ta’ din il-parabbola ta’ Ġesù, hi l-kelma ‘kontabbilità’, bl-Ingliż ‘accountability’. Irridu nagħtu kont ta’ dak li rċevejna u ta’ dak li ġejna afdati bih. Ħin minnhom meta ħares lejna l-isqfijiet u jkellem lil San Pietru, Ġesù jgħidlu li iżjed ma jingħatalek, iżjed jippretendu minnek. Għandek piż qawwi imma se jkollok tagħti wkoll kont ta’ dak li bih ġejt afdat.
Kien hemm dak li ma ħaddimx t-talent tiegħu. Jgħidlu: “Sinjur, jiena nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art” (Mt25: 24-25). Ejjew nieqfu ftit fuq il-ġustifikazzjoni li jagħti dan il-qaddej li m’għamel xejn. “Nafek bħala raġel aħrax,” jgħidlu lis-sid. B’xi mod inti tak it-talent imma mbagħad naf li fejn ma żrajtx, tippretendi li taħsad u tiġbor fejn ma xerridtx. Naf li inti tippretendiha ftit, qed jgħidlu, imma bżajt.
Min jaf kemm-il darba l-biża’ fil-ħajja, il-biża’ ta’ Alla jew il-biża’ mir-responsabbiltà ġagħalitna nagħmlu bħal dan il-qaddej: nitfgħu kollox ġo maktur u jibqa’ kollox kif inhu. Jekk aħna rridu nkunu ta’ kontribut fil-ħajja tagħna, anke għas-soċjetà, għax din il-kelma li jgħid Ġesù hi għal kull min għandu kull tip ta’ responsabbiltà, hi li m’għandniex inkunu paralizzati bil-biża’ jew għax se jkollna nagħtu kont. Il-fatt li trid tagħti kont m’għandux ibeżżgħak u jipparalizzak, anzi għandu jkun xprun għalik biex tagħmel li tista’. Il-Mulej se jagħtik l-għajnuna u aħna rridu wkoll inkunu ta’ sapport għal xulxin.
Il-Kelma ta’ Alla tpoġġilna lin-nisa ta’ bżulija kbira, ta’ għaqal, ta’ fedeltà, dawk li jsofru fis-silenzju, li jaraw lil uliedhom u jinkwetaw mill-bogħod bħala l-kriterju tal-veru kobor.
Jiena dejjem tolqotni l-fatt li ma’ dan l-Evanġelju li jitkellem dwar il-bżulija wara kollox, il-fatt li rridu nagħtu kont tal-ħidma tagħna, il-Knisja propju tagħżel propju l-għeluq tal-Ktieb tal-Proverbji (wieħed mill-kotba favoriti tiegħi) għax hu sensiela l-Ktieb tal-Proverbji, ta’ qwiel. Hija waħda mill-ikbar u l-isbaħ kollezzjonijiet ta’ qwiel li għandha llum ta’ madwar 2,000 sena u wħud minnhom nirrepetuhom aħna propju bejnietna. Il-Ktieb tal-Proverbji hu sensiela ta’ qwiel sbieħ ħafna. Imma jikkonkludi dwar riflessjoni sabiħa fuq il-veru kobor tal-mara u jgħid: il-mara sabiħa, attraenti, imma mhux dak il-kobor tagħha għax dak jiġi u jmur imma hi l-bżulija, l-għaqal, l-imħabba vera (ara Prov 31:10-13,19-20,30-31). U hi ħaġa sabiħa li l-Kelma ta’ Alla tpoġġilna lin-nisa ta’ bżulija kbira, ta’ għaqal, ta’ fedeltà, dawk li jsofru fis-silenzju, li jaraw lil uliedhom u jinkwetaw mill-bogħod bħala l-kriterju tal-veru kobor.
Kemm hi ħaġa sabiħa li nagħmlu attenzjoni kemm il-Mulej japprezza s-sbuħija vera tal-mara, li hi s-sbuħija tal-qalb u li tkun għalina ta’ eżempju ta’ kontabbiltà, mhux xi ħaġa li se nagħmluha fil-headlines ta’ xi ħaġa, imma l-Mulej jara l-qalb u jiżinha, jaf li kull min hu bieżel bħal mara tal-Ktieb tal-Proverbji, jgħidlu: “Idħol, fidil u għaqli inti, idħol fil-hena ta’ sidek” (Mt 25:21).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov 31:10-13,19-20,30-31
Salm: 127 (128):1-2,3,4-5
Qari II: 1 Tess 5:1-6
L-Evanġelju: Mt 25:14-30