L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid lil Tumas fl-Evanġelju llum skont San Ġwann, u huwa l-kliem li jgħid lil kull wieħed u waħda minna. Ġesù jħeġġiġna biex aħna nemmnu, biex aħna negħlbu d-dubji tal-fidi tagħna, u nissaħħu fil-fidi tagħna f’Ġesù li huwa ħaj.

X’għamel Tumas f’din il-ġrajja? Tumas ma kienx ma’ sħabu meta Ġesù Rxoxt deher lilhom. Għall-appostli din kienet ħaġa tassew kbira, u għalhekk meta mbagħad Tumas reġa’ ltaqa’ magħhom, mal-ewwel qalulu: “rajna l-Mulej” (Ġw 20:25). Imma Tumas ma kienx konvint. Ried, bħalma ngħidu bil-Malti, jara b’għajnejh u jmiss b’idejh. U qalilhom: jekk jien ma narax il-marka tal-imsiemer u ninduna li verament huwa hu – jiġfieri Ġesù li kien maqtul issa huwa ħaj – jiena ma nemminx. Tumas ma riedx joqgħod fuq dak li qalulu sħabu. U sa ċertu punt, ma tlumux wisq, għaliex sħabu kienu nies li kważi kollha ħarbu fil-Passjoni, u għalhekk Tumas, naturalment, f’moħħu qal: dawn mhux forsi qed jimmaġinaw xi ħaġa, jew inkella x-xewqa tagħhom qed jagħmluha realtà? 

X’għamel Ġesù meta, tmint ijiem wara, reġa’ kien fosthom, u bil-ġisem glorjuż, Ġesù għadda mill-bibien magħluqa, u hemmhekk kien hemm Tumas? L-ewwel ħaġa li jgħidilhom hu “is-sliem għalikom!” (Ġw 20:26), għax il-preżenza tiegħu ġġib il-paċi. Imbagħad imur mal-ewwel fis-suġġett, imma lil Tumas ma jikkritikahx jew iċanfru, imma jistiednu biex issa jara l-ġrieħi tiegħu, imisshom, u jkun jaf li huwa hu. B’li jagħmel, Ġesù jfejjaq in-nuqqas ta’ fidi ta’ Tumas. Fil-fatt hemm silta sabiħa ħafna ta’ San Girgor il-Kbir li jitkellem fuq din il-ġrajja. Jgħid: “kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi”. 

Fil-fatt Tumas jagħmel l-istqarrija verament sabiħa “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20:28). Innutaw kif b’din l-istqarrija Tumas imur lil hinn milli sempliċiment jagħraf lil Ġesù li qatluh u issa huwa ħaj, jiġifieri li hu l-istess bniedem, imma qed jistqarr li hu l-Mulej. Qed jgħid: dal-bniedem li miegħu għexna u li qatluh issa huwa ħaj, u għalhekk hu l-“Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Hija dik l-istqarrija sabiħa tal-fidi, l-iktar stqarrija qawwija li nsibu fil-fatt fl-Evanġelju, li jagħmilha Tumas, li qabel kellu diffikultà tan-nuqqas ta’ fidi. 

Hi stqarrija sabiħa li ħafna minna nagħmluha  – nirrepetu l-kliem ta’ Tumas – fil-quddiesa fil-mument tal-Konsagrazzjoni, meta l-ħobż isir il-ġisem ta’ Ġesù u l-inbid isir id-demm tiegħu, u aħna nagħmlu din l-istqarrija “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Kemm hi f’waqtha! Għax hemmhekk qed ngħixu l-kliem li qal Ġesù “henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Aħna waqt il-quddiesa ma narawhx b’għajnejna bħalma jien qed nara n-nies li qegħdin hawn. Imma nemmnu, u aħna tassew henjin! Meta aħna nistqarruh “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”, hemmhekk qed ngħixu dal-kliem ta’ Ġesù, u aħna nkunu tassew henjin.

Nitolbu llum lill-Mulej, ispirati minn din il-ġrajja, biex jgħinna fin-nuqqas ta’ fidi tagħna, u jsaħħaħ il-fidi tagħna. U nirringrazzjawh ta’ dan l-appostlu Tumas li, kif jgħid San Girgor il-Kbir, b’espressjoni tassew sabiħa, bin-nuqqas ta’ fidi tiegħu swielna ta’ ġid kbir għall-fidi tagħna. Nitolbuh biex aħna jkollna tassew dil-fidi fejn nistqarruh bħala l-Mulej u Alla tagħna, ħalli dejjem f’qalbna u f’moħħna jkollna dal-kliem li Ġesù qal lil Tumas: “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta