L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jikkonfronta l-ambjent addottiv tiegħu, Korażajn, Betsajda, bir-responsabbiltà li għandu. Nistgħu nieħdu wkoll il-Kelma tiegħu bħala stedina għal kull wieħed u kull waħda minna. Il-providenza taċ-ċirkustanzi fil-ħajja, li kull wieħed u kull waħda minna tatna missjoni fil-Knisja. Kulħadd hu importanti, kulħadd għandu rwol essenzjali biex il-komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù, li huma wkoll konxji bid-dgħufija u d-dnubiet tagħhom, ilkoll kemm aħna nkunu xhieda tal-imħabba li rċevejna, li nkunu xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù fid-dinja. Imma din il-grazzja kbira li rċevejna, għandna bżonn l-ewwel nett nieqfu biex nifhmuha. L-għarfien jagħtina wkoll l-grazzja li nirringrazzjawh lill-Mulej, għaliex li tirringrazzjah hi grazzja fiha nnifisha. Il-gratitudni mbagħad tnissel f’dawk li l-paċi u l-ferħ ta’ min jaf li l-qawwa tagħna ġejja minn Alla, u r-responsabbiltà tagħna nistgħu ngħixuha b’iżjed ħeffa jekk inħalluh imexxina Hu.

Il-Mulej jagħtini wkoll ir-responsabbiltà, li b’dak li ngħidu u nagħmlu nwasslu l-Kelma tiegħu. “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili” (Lq 10:6). Imma din il-kelma ta’ Ġesù, tpoġġi fil-qalb tagħna mistoqsija tremenda: min jisma’ lilna, qiegħed tassew jisma’ lil Ġesù? Min jiltaqa’ magħna, qiegħed jiltaqa’ ma’ Ġesù? Jew forsi ma’ idea falza ta’ Ġesù.

Darba qrajt kumment li laqatni ħafna: li meta titkellem ma’ min ma jemminx, issib narrattiva, esperjenza negattiva li dak li jkun ikollu f’ħajtu ma’ xi ħadd li mingħalih jemmen. Ħafna nies ma jemmnux f’Alla, li forsi ppreżentajna aħna; imma mhuwiex Alla veru ħaj. Din hi d-domanda li rridu nagħmlu lilna nfusna: min jiltaqa’ magħna, qed jiltaqa’ ma’ Ġesù ta’ Nazaret? Jew ma xi ħaġa falza? Għax jekk hi falza, mhux se ssalva, mhux se tqanqal id-dnub.

Tgħiduli: ‘Sur isqof, din responsabbiltà tiegħek! Ħokk rasek inti!’ Ħa ngħidu hekk, il-missjoni tiegħi ma nistax niċħadha, u nirringrazzjakom talli tikkoperaw magħna l-Isqfijiet, fit-tħaddin u t-twettiq tal-missjoni tagħna. Imma l-missjoni tiegħi mhux tiegħek, hi ta’ kull wieħed u kull waħda minna flimkien. Għalhekk l-aġir ta’ wieħed jaffettwa lil kulħadd, id-deċiżjonijiet tal-ftit jitfgħu dell fuq kulħadd; bħalma t-tajjeb li jsir ikun ta’ glorja għal kulħadd. Ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u kull waħda minna hu li kulħadd jagħmel li jista’; u jagħmlu b’intenzjoni tajba. Inkunu boloh, jekk aħna fil-missjoni tagħna fil-Knisja, hi x’inhi, ikollna l-aġenda personali tagħna li hi mbiegħda ħafna mill-aġenda ta’ Ġesù.

Meta l-Papa Franġisku jipprova jispjegaha, jitkellem dwar l-istil tal-Evanġelju, u juża dawn it-tliet kelmiet: it-tenerezza, il-viċinanza, u l-kompassjoni. Imqarr kif tirrispondi persuna rrabjata; mqarr kif titgħallem paċenzja b’min trid ikollok trakk paċenzja miegħu. Irridu nammettu wkoll, meta fl-aħħar tal-ġurnata, lill-Mulej fid-djalogu sinċier bejn il-ħbieb, ngħidlu: ‘illum qabżitli, mhux darba, darbtejn, tlieta Sinjur.’ Nimmaġinah jgħidli: ‘Naf’. Imma qed nitkellem ma’ ħabib li jaf ukoll minn xiex jien magħġun. Jaf jieħu paċenzja bija, u dik il-paċenzja li Ġesù jieħu bina, tagħtina l-qawwa li nieħdu paċenzja b’xulxin.

Ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u kull waħda minna hu li kulħadd jagħmel li jista’; u jagħmlu b’intenzjoni tajba. Inkunu boloh, jekk aħna fil-missjoni tagħna fil-Knisja, hi x’inhi, ikollna l-aġenda personali tagħna li hi mbiegħda ħafna mill-aġenda ta’ Ġesù.

Timpressjonani ħafna dan il-fatt li meta San Pawl jitkellem ma’ Timotju fuq il-missjoni, u jitkellem fuqu personali, jirrealizza li jgħid: hu ‘l-ewwel wieħed’, juża l-kelma ‘protos’ fost il-midinbin. Hawnhekk qegħdin fil-Knisja tal-‘protos’ ta’ Malta, Publiju. ‘Protos’ ma tfissirx biss ‘il-Prinċep’. Pawlu juża l-kelma ‘protos’, li kien it-titlu ta’ Publija, għalih innifsu, biex jgħid: “li jiena l-ewwel fost il-midinbin” (1Tim 1:15). Hu jgħid li Alla wera ħniena kbira miegħi, u jgħid għaliex: “Jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu” (1Tim 1:16). Jiena timpressjonani l-fatt li San Pawl juża dawn iż-żewġ termini, mhux biss ‘il-ħniena’, imma wkoll ‘il-paċenzja’. Nużaw ħniena u paċenzja magħna nfusna u bejnietna, biex inkunu l-messaġġ u l-Kelma ta’ Ġesù lil ħutna. Hekk iseħħ il-Kelma tiegħu: “Min jisma’ lilkom jisma’ lili” (Lq 10:16).

Qed niltaqgħu fit-tifkira liturġika ta’ San Ġilormu, magħruf għan-nuqqas ta’ paċenzja tiegħu, u għall-kliem iebes li kien juża. Hemm ittri tiegħu mimlijin insulti, għax għamel żmien Segretarju tal-Papa San Damasu, f’Ruma, u qabżuhielu bil-kbir. Min jirrabja u jkollu dan il-mument, jitlob ħafna l-interċessjoni ta’ San Ġilormu, għax għandna qaddis li jifhimna żgur. Imma tana dan id-don kbir, li qaleb l-Iskrittura Mqaddsa mill-Grieg oriġinali, mill-Ebrajk oriġinali, għal-lingwa li fiż-żmienu, fir-raba’ seklu, kien jitkellem il-poplu – il-lingwa ‘vulgata’ – il-Latin. U tana l-Bibbja vulgata. ‘Vulgata’ għax kienet miktuba f’lingwaġġ li l-poplu seta’ jifhmu u jaqrah.

Imbagħad San Ġilormu mar l-Art Imqaddsa, u temm ħajtu fl-Art Imqaddsa. Mar Ġerusalemm, imma ddeċieda li jgħix f’Betlehem. Min minnkom ikollu l-grazzja li jżur Betlehem, il-post fejn twieled Ġesù, hemm it-tifkira sal-lum, anke tal-qabar ta’ San Ġilormu, għax indifen mhux ’il bogħod mill-grotta tat-twelid ta’ Ġesù.

San Ġilormu jgħid: ‘Min ma jafx l-Iskrittura’, ma jafx lil Ġesù. Imma, qed niftakar xi ħaġa li kien jgħidilna l-patri spiritwali tagħna. Patri Bernard kien iħobb jgħidilna: ‘For many people, the only edition of the Bible, they will ever meets, is yourself’. Ir-responsabbiltà li għandna li aħna nagħtu xhieda tal-Kelma. U li min jiltaqa’ magħna ma jkollux togħma qarsa ta’ xi ħaġa li mhix ta’ Ġesù. Imma almenu, jekk aħna midinbin u dgħajfin, jiltaqa’ ma’ nies li għandhom l-esperjenza kontinwa tal-ħniena u tal-paċenzja ta’ Ġesù.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 38:1.12-21; 40:3-5
Salm: 138 (139):1-3,7-8,9-10,13-14ab
L-Evanġelju: Lq 10:13-16