Matul ix‑xahar ta’ Ġunju, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jkompli jiċċelebra quddies matul il‑ġimgħa kif ukoll nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il‑quddies organizzat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar:

  • Mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa fid‑9:30am mill‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Wara l‑quddiesa tingħad it‑talba tar‑rużarju li tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • Kull nhar ta’ Ħadd fid‑9:30am tiġi ċċelebrata quddiesa fuq TVM, fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

F’dawn il‑ġranet Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑knejjes:

Il‑Ħadd 5 ta’ Ġunju, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità ta’ Għid il‑Ħamsin fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Matul il-quddiesa jamministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adolexxenti tal‑parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, tal‑parroċċa ta’ San Duminku u tal‑parroċċa ta’ Santu Wistin fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM. Fis-6pm jamministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adolexxenti taż‑żona ta’ San Pawl tat‑Tarġa, fis‑Santwarju tal‑Ħniena Divina, in‑Naxxar.

Il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju, fis‑6:30pm, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑bidu tal‑ħidma pastorali ta’ Dun Ivan Scicluna bħala l‑kappillan tal‑parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi.

Il‑Ħadd 19 ta’ Ġunju, fid-9:30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa pontifikali fis‑Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina. Din tixxandar fuq TVM. Wara ssir purċissjoni bis-Sagrament mat‑toroq ewlenin tal‑Imdina. Fis-6pm jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl, ir-Rabat, u wara jmexxi purċissjoni bis-Sagrament fit-toroq tar-Rabat.

It‑Tlieta 21 ta’ Ġunju, fis‑6pm, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa flimkien ma’ grupp ta’ saċerdoti li qed ifakkru l‑25 sena mill‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, fil‑Bażilika Minuri ta’ San Pawl, ir‑Rabat.

Is‑Sibt 25 ta’ Ġunju, fid‑5:15pm, Monsinjur Arċisqof imexxi traslazzjoni solenni bl‑Ewwel Għasar u wara jiċċelebra quddiesa lejlet il‑festa tat‑twelid ta’ San Ġwann il‑Battista, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Il‑Ħadd 26 ta’ Ġunju, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof quddiesa fil‑festa tat‑Twelid ta’ San Ġwann Battista, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM. Fis-6pm jiċċelebra quddiesa fil‑festa tar‑Redentur fil‑Bażilika ta’ Marija Bambina fl‑Isla, u wara ssir purċissjoni bl‑istatwa devota tar‑Redentur.

It‑Tlieta 28 ta’ Ġunju, fis‑5pm, Monsinjur Arċisqof imexxi traslazzjoni solenni lejlet il‑festa ta’ San Pietru u San Pawl mill‑Grotta ta’ San Pawl ir‑Rabat sal‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina mal‑Kapitlu Metropolitan u wara jmexxi l‑Ewwel Għasar u jiċċelebra quddiesa.

L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, fid‑9:30am, fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa pontifikali fis‑Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, bis‑sehem tal‑Kapitlu Metropolitan, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina.  Din tixxandar fuq TVM.