• 50th anniversary of ‘Dar tal-Kleru’ and the ‘Qaddejja taċ-Ċenaklu’ sisters

  • Id-Dar tal-Kleru, ir-residenza għas-saċerdoti morda u anżjani, u l-komunità tas-Sorijiet Qaddejja taċ-Ċenaklu li jgħinu fit-tmexxija ta’ din id-Dar, ser jiċċelebraw 50 sena mit-twaqqif tagħhom. Id-Dar tal-Kleru u l-komunità tas-Sorijiet għandhom fundatur wieħed, Mons. Salv Grima, u bidu wieħed, l-1964.
    Għal din l-okkażjoni, d-Dar tal-kleru qed torganizza open day, nhar il-Ħadd 11 ta’ Mejju 2014, bejn l-10.00 a.m. u s-7.00 p.m. Kulħadd huwa mistieden jattendi biex jara din ir-residenza li tinsab f’Triq Anġlu Grima, Birkirkara, u jiltaqa’ ma’ dawk is-saċerdoti li kienu joffru servizz pastorali fil-parroċċi tagħna. Ser jittellgħu wkoll numru ta’ wirjiet li tħejjew għall-okkażjoni. Fil-preżent, f’din id-Dar hemm 41 saċerdot residenti u 8 sorijiet li jieħdu ħsiebhom.
    L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra Quddiesa ta’ radd il-ħajr f’dan l-anniversarju, nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju 2014, fis-6.30 p.m., fil-Knisja ta’ Santa Tereża, Birkirkara.
    Id-Dar tal-Kleru fetħet il-bibien tagħha fit-8 ta’ Mejju 1964. Dan wara li sitt snin qabel, grupp ta’ tfajliet iltaqa’ ma’ Dun Salv. Grima, il-fundatur ta’ din id-Dar, waqt laqgħat li kien jagħmel fil-Knisja tal-Ispirtu s-Santu, ż-Żejtun. F’laqgħat regolari, il-fundatur beda jiżra f’qalbhom spirtu ta’ mħabba u ta’ għotja. Uħud minn dawn it-tfajliet saru l-ewwel membri li bdew jieħdu ħsieb id-Dar tal-Kleru u lis-saċerdoti li bdew jgħixu f’din id-Dar.