-
-
Direttur: Sam Taylor-Johnson
Atturi: Dakota Johnson, Jamie Dornan, Eloise Mumford, Luke Grimes, Rita Ora, Victor Rasuk, Max Martini, Dylan Neal, Callum Keith Rennie u Jennifer Ehle
Ħin tal-Film: 125 min.
Klassifika taċ-Ċensura: 18
Klassifika tal-Knisja: ARAnastasia “Anna” Steele, studenta tal-letteratura, tintervista lil Christian Grey, sinjur kbir. Dan tagħmlu bħala favur għal Kate Kavanagh li kienet taqsam kamra magħha. Anna fl-ewwel laqgħa ma’ Grey tiltaqa’ ma’ bniedem sabiħ, brillanti u ta’ intimita tant li mill-ewwel tinġibed lejh u tinħakem minnhu.
Sfortunatament, Anna kienet tfajla bla malizzja u innoċenti. Kellha ħerqa kbira li tkun qrib tiegħu u ssir tafu iktar personalment. Grey jaqbel mall-proposta iżda fuq il-kundizzjonjiet tiegħu. Grey kellu t-tendenza li jkun fil-kontrol ta’ kollox u fuq kulħadd. Hekk kif ir-relazzjoni bejn Grey u Anna tkompli tiżviluppa u tidħol iktar fil-fond, Anna ssir taf ħafna mis-sigrieti ta’ Grey, b’riżultat li hi tibda tesplora dak li hija tant kienet xtaqet fil-ħajja tagħha. Disgrazzjatament iżda, dan tagħmlu għas-skapitu tagħha stess għaliex hi ssir pupazza f’idejn bniedem sadistiku, ossessiv u pervers għall-aħħar tant li xi xeni tal-film huma xeni li joqorbu iktar lejn il-pornografija. Ir-rumanż erotiku bejn Anna u Grey iseħħ f’kamra mimlija għodda tal-metall għat-trażżin. Anna sfortunatament iċċedi u tikkopera għal perverżjoni min-naħa ta’ Grey tant li anke tiffirma kuntratt wara xi ftit ta’ negozjati. X’effett ikollu dan il-kuntratt fuq il-ħajja ta’ Anna? X’kien il-passat ta’ Grey li ġabu ġġib ruħhu hekk ma’ mara?
Film erotiku Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Sam Taylor-Johnson, msejjes fuq it-triloġija ta’ novelli miktuba minn E. L. James, novelli u issa l-film tal-ewwel ktieb li qajjmu tant kontroversji l-aktar f’dawn l-aħħar jiem kull fejn beda jintwera l-film. Minħabba li l-film fih ħafna xeni ta’ sess eċċessiv, b’imġieba abbużiva li xejn ma tixraq lis-sess feminili minnaħa ta’ persuna għaliex għandha ħafna ġid u poter, tagħmel skjava sesswali, persuna mmatura, li nqabbdet fin-nasba tiegħu. Il-film ukoll fih ħafna kliem goff. Ikun tajjeb li l-film jarawh adulti b’riserva u maturi. -
-