Caritas graduation 2025 (Photo by Erica Lanzafame)

Il-Ġimgħa filgħaxija, 23 persuna gradwaw mill-Programm ta’ Rijabilitazzjoni f’San Blas; mument meqjus ta’ xhieda tal-legat li ħalla warajh Dun Victor.

Fid-diskors li għamel id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt intqal kif f’din l-okkażjoni ma jistax ma jsemmix żagħżugħ li tliet snin ilu gradwa minn dan l-istess programm u llum il-ġurnata rkupra ħajtu u għamel suċċess f’xogħlu u fl-isport.

B’Gatt jirrakkonta mument minn diskursata li kellu miegħu: “Qed niftakar kemm għajjart lil ommi meta kont milgħub mid-droga, kemm għidtilha li nippreferi l-eroina mitt darba iktar minnek! Imma qed nara wkoll ’l ommi kuntenta bija”

Illum il-ġurnata, dan iż-żagħżugħ qed iwettaq ix-xewqa tiegħu, li jaħdem għal Caritas Malta biex, l-istess bħal Dun Victor, ikun ta’ tama ġdida għal ħafna.

Minn 132 membru tal-istaff ta’ Caritas, 33 minnhom huma persuni li fil-passat kellhom esperjenza ta’ dipendenza fuq id-droga.

X’xogħol wettqet is-sena l-oħra Caritas?

Fis-sena 2024 Caritas:

  • Rat rekord ta’ 930 persuna li talbet l-għajnuna minħabba d-droga u l-familji tagħhom fejn minn dawn:
  • 236 kellhom admission f’wieħed mill-programmi residenzjali ta’ Caritas 
  • 91 ħadu servizz minn tal-ibwar

B’Kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u The Alfred Mizzi Foundation is-sena l-oħra:

  • 399 użaw xelter ta’ emerġenza – Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores
  • 25 użaw REACH programme (second stage shelter)
  • 676 persuna vulnerabbli ħadu servizz ta’ ikel bla ħlas minn Dar Papa Franġisku.

Dawn is-servizzi jiddependu kompletament mill-Fundraising efforts u donazzjonijiet tal-pubbliku u li ma jiddependux fuq għajnuna mill-Istat:

  • Permezz tas-Servizzi Preventivi
  • Daħlu f’20 skola u raw 7019-il tifel u tifla
  • Daħlu fi 22 kumpanija u wasslu għand 668 impjegat
  • Raw 624 persuna fis-servizzi ta’ Counselling u Social Work ġeneriċi
  • U aktar minn 180 ruħ jattendu kull ġimgħa sapport groups varji

Fl-isfond tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, Caritas Malta tiċċelebra li:

  • Malta qegħdin minn ta’ quddiem nett fid-dinja fil-firxa ta’ servizzi speċjalizzati ta’ riabilitazzjoni mid-droga;
  • Ġew imtejba l-benefiċċji soċjali għal min jagħmel l-almu tiegħu biex jagħmel programm;
  • Fl-2024 ingħataw widen mil-Ministeru tal-Ġustizzja dwar riformi marbuta mad-Drug Offenders Rehabilitation Board biex insaħħu r-riabilitazzjoni u nippruvaw inaqqsu kemm nistgħu li t-traffikanti tad-droga jużaw dan il-bord biex jiżgiċċaw mill-ġustizzja;
  • Jaraw il-Ġudikatura dejjem tifhem iktar li min hu vittma tad-droga trid timbuttah għall-għajnuna milli ttih il-ħabs u qed tagħraf d-differenza ta’ min seraq għax għandu dipendenza u min qed jisraq jew jittraffika biex jistgħana. Sentenzi jridu dejjem jirriflettu dan;
  • Iktar servizzi ta’ għajnuna u iktar opportunitajiet ta’ xogħol għar-residenti fil-ħabs;
  • Qed issir kollaborazzjoni sħiħa biex meta persuna tidħol Mount Carmel biex tiġi stabbli qabel tidħol programm, dan isir bi pjan magħna biex persuna ma tinqabadx fit-tul f’Mount Carmel;
  • L-Awtorità marbuta mal-użu tal-Kannabis qed tara li l-assoċjazzjonijiet li tirregola jimxu fil-parametru tal-liġi, inkluż li ma jsirx reklamar tagħhom. Din is-sena ħadmu fuq rimedju biex jiġi kkontrollat il-problema ta’ tipjip fl-appartamenti u miżuri oħra;
  • Ġew ipprojbiti sustanzi sintetiċi psikoattivi perikolużi bħal HHC u CC9;
  • Wara li ġiet imnedija l-Politika Nazzjonali dwar id-Droga, dil-ġimgħa tnediet konsultazzjoni dwar politika biex inrażżnu l-ħsara tal-alkoħol. Caritas tipparteċipa bis-sħiħ f’dawn il-konsultazzjonijiet;
  • L-Isforzi preventivi kollha inkluż l-interventi individwali minn Sedqa, OASI u Caritas. Riċentament, bi stedina tal-Ministeru tal-Politika Soċjali, flimkien bħala entitajiet kif ukoll man-National Drug and Addictions Unit li twaqqaf dan l-aħħar u b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex flimkien jippjanaw kampanja nazzjonali preventiva. Ma’ dan qed jaraw l-impenn tal-Gvern biex jissaħħaħ il-volontorjat u l-isport bħala għodda kontra kull tip ta’ vizzju;
  • Caritas, flimkien ma’ 3051 organizzazzjoni minn madwar id-dinja, iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Oviedo, fejn qed jieħdu impenn globali qawwi lejn policies u strateġiji li jsaħħu l-prevenzjoni mid-droga;
  • Ir-rikonoxximent li ħadet Caritas – il-President’s Award tal-Malta Employee Sports Assocation (MESA) u r-rikonoxximent minn Sport Malta għall-impenn ta’ Caritas fl-użu tal-isport għall-ġid tal-komunità u bħala għodda ta’ prevenzjoni mid-droga.  

U issa x’xogħol ieħor għandhom f’moħħhom?

Miexi ġmielu l-bini ta’ appartamenti fin-Naxxar, wara li ngħatat dar b’donazzjoni lil Caritas minn persuna privata biex isir proġett ta’ Supported Housing. Dan il-proġett se jkun jista’ jilqa’ b’mod temporanju sa 18-il persuna. Jiġu prijoritizzati nisa, nisa bit-tfal u żgħażagħ li jlestu programm b’suċċess imma li jkunu homeless jew li ma jistgħux jirritornaw fl-ambjent fejn kienu jgħixu qabel.  

Sar ukoll il-proġett ta’ cold u dry storage b’kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni San Pietru li se jkun ta’ għajnuna għal sistema ċentralizzata biex ifornu l-bżonnijiet ta’ kuljum fiċ-ċentri residenzjali u b’opportunità li anki jassistu entitajiet soċjali oħra bit-tqassim tal-ikel.

Is-sena l-oħra fetħu l-bieb ta’ dar Vittorja f’Birkirkara biex joffru akkomodazzjoni temporanja lill-persuni nisa li lestew il-progamm b’suċċess.

Sar ukoll rinovar tal-Kitchen Block ta’ San Blas; tal-Binja tal-Female Programme f’San Blas u l-Binja tal-Prison Inmates Programme.

Caritas Malta tfakkar li r-responsabbiltà finanzjarja tal-binjiet li minnhom joperaw taqa’ kollha f’idejhom, fil-bżonn ta’ għajnuna ta’ tieqafx. Sar ukoll ringrazzjament lill-Arċisqof li offra l-binja ta’ Caritas Community Centre, l-użu tal-binja tal-Prison Inmates Programme u s-Sorijiet tal-Karità l-użu tal-binja ta’ Dar Charles Miceli.

It-tħassib ta’ Caritas

Gatt ġibed l-attenzjoni li f’Malta hawn kultura qawwija ta’ droga li hi l-iktar perikoluża għal dawk li huma vulnerabbli. Semma:

  • L-iktar rapporti riċenti tal-użu tal-laughing gas fejn appella għall-ħtieġa li din tiġi illegali jekk mhux għall-użu tal-catering jew mediċinali;
  • Tipjip tal-kannabis fil-pubbliku u quddiem it-tfal huwa illegali iżda l-użu pubbliku tal-ħaxixa dejjem jikber – “Liġi li mhux infurzata qisna bla liġi”;
  • Bejgħ ta’ droga sfaċċat f’ambjenti ta’ divertiment inkluż li runners jiġu fuqek ibiegħulek u kull runner li taqbad il-pulizija jiġi sostitwit ftit ħin wara;
  • Qed jitħallat ħafna x-xorb u l-użu tal-kokaina;
  • L-inċidenti tat-traffiku minħabba l-użu tad-droga;
  • Il-grow shops li jistgħu jagħmlu reklamar kemm iridu tal-ħaxixa b’kontradizzjoni mal-assocjazzjonijiet regolati mill-awtorità dwar il-Kannabis li ma jistgħux jagħmlu reklamar;
  • Bl-iskuża tal-bejgħ tal-prodotti tal-ħaxixa b’0.2% THC, minn diversi ħwienet, inkluż corner stores, grocers, stationers qed jinbigħu prodotti bi droga sintetika perikoluża;
  • Websites lokali li jgħidu li jbiegħu prodotti tal-Kannabis skont il-liġi u li qed iservu ta’ paraventu għall-bejgħ ta’ ħaxixa qawwija.

Kliem ta’ resident f’dar ta’ Caritas Malta

Kieku kont naf x’għajnuna hawn kont niġi qabel, min għandu addiction ersqu lejn Caritas. Hawn m’intix numru; Hawn sibt imħabba ġenwina u ħadd ma jippretendi xejn minnek ħlief li timxi ’l quddiem.

Intant, id-Direttur ta’ Caritas sellem il-memorja u l-ġid kollu li wettaq Dun Victor għal diversi persuni fil-bżonn. Din kienet l-ewwel sena li ma kienx preżenti għal din iċ-ċerimonja, iżda xorta waħda tħalla siġġu vojt għalih. Gatt spjega li dan sar b’simbolu tal-preżenza spiritwali tiegħu fosthom.

Source: Newsbook.com.mt