-
-
17,000 tifel u tifla minn Malta u Għawdex ingħaqdu ma’ aktar minn miljun tifel u tifla oħra minn madwar id-dinja fejn talbu r-Rużarju Mqaddes għall-għaqda u l-paċi. Dan kien l-akbar numru ta’ konkorrenza sa mill-bidu ta’ din l-inizjattiva f’Malta, 4 snin ilu. Is-sena l-oħra pparteċipaw 14,000. Din il-kampanja qed tkompli tikseb aktar parteċipazzjoni, mhux biss f’Malta iżda madwar id-dinja kollha wkoll.
Bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u ta’ Fr Reuben Gauci, responsabbli mill-Iżvilupp Spiritwali fl-iskejjel tal-Knisja u l-Istat, nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru 2018 fid-9am, tfal Maltin u Għawdxin f’madwar 54 skola kemm kindergartens, primarji u sekondarji, talbu ’l Alla u lil Ommna Marija għall-għaqda u l-paċi fid-dinja.
F’ħafna postijiet oħra bħal djar tat-tfal u pre-schools, it-tfal ma pparteċipawx waħedhom, iżda ngħaqdu flimkien magħhom ġenituri, nanniet, għalliema, mexxejja taż-żgħażagħ u katekisti.
Din l-inizjattiva sempliċi iżda effettiva bdiet fis-santwarju tal-Madonna ta’ Schoenstatt f’Caracas, il-Venezwela fl-2005. L-Aid to the Church in Need (Malta) tirringrazzja lil Alla, lil Ommna Marija, lil dawk kollha li għenu għas-suċċess ta’ din il-kampanja u lit-tfal kollha li ħadu sehem.