• 1,319 Church Marriages in Malta during 2013

  • In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2013 kien ta’ 1,319.

    Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2013, 1,136 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 62 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk: 32 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani; 19 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 11-il żwieġ ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 12-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 109 żwiġijiet bejn koppji barranin.

    It-62 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2013 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 42 raġel u 20 mara, minn 29 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Italja (13) u mill-Ingilterra (7). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Mejju, Ġunju u Lulju. L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.

    Fl-2013 kien hemm 64 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.

    Fl-istess perijodu kien hemm 10 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 32 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
    L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.