Żgur mhux forsi tul dawn it-12-il sena ta’ tmexxija, il-Papa Franġisku ħalla marka unika fil-Knisja Kattolika. Bl-eżempju li għex is-snin tat-tmexxija u bil-kliem sempliċi u ħelu li dejjem uża fil-Papat tiegħu, uriena wiċċ Kristu min hu.
It-teoloġija tiegħu hija waħda li tmur lura għat-tagħlim bażiku u essenzjali li kull nisrani għandu bżonn li jirċievi.
Newsbook Malta qed jagħti ħarsa lejn it-12-il element ta’ tagħlim imprezzabbli li għaddielna l-Papa Franġisku tul dawn it-12-il sena.
Il-missjunarju tal-ħniena ta’ Alla
Hekk kif iddeskrivieh l-Arċisqof Charles Scicluna, il-Papa Franġisku kien “il-missjunarju tal-ħniena ta’ Alla”. Titlu li joqgħod perfett għal min kien dan il-Papa. F’diversi diskorsi u udjenzi l-Papa Franġisku dejjem saħaq kif l-imħabba ta’ Alla hija infinita u għal kulħadd. Tant hu hekk li fl-2014 saħaq li, “Alla qatt ma jgħejja jaħfrilna imma huwa aħna li ngħejjew nistaqsu għal maħfra”.
Lumen Fidei
Fl-ewwel enċiklika ppubblikata mill-Papa Franġisku Lumen fidei, fi kliem ieħor id-dawl tal-fidi, il-Papa Franġisku flimkien ma’ Benedittu XVI xtaqu jgħaddulna messaġġ ftit differenti minn tas-soltu. Il-fidi tagħna mhix fidi għamja però hija fidi li tgħinna nifhmu r-realtà u nagħmlu d-deċiżjonijiet b’għan. Tema oħra li hija diskussa f’dan id-dokument hija li l-fidi tagħna mhux maħluqa biex tiġi mgħixa waħidna però bħala komunità. Żewġ punti minn din l-enċiklika li sa mill-bidu nett urew ix-xewqa tal-Papa Franġisku x’kienet, li nikbru flimkien fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla bħala komunità nisranija waħda.
Laudato Si
Fit-tieni enċiklika tiegħu, il-Papa Franġisku għażel li jitkellem u jiddiskuti l-ambjent ta’ madwarna. Punt minnhom jisħaq li l-problemi ambjentali m’għandhom qatt jinfirdu mir-relazzjoni ta’ kull persuna magħha nnifisha. F’din l-enċiklika narawh ukoll jisħaq fuq kif għandna nimxu għal prattiċi li huma iktar sostennibli. Dokument li huwa xhieda ċara tal-bidla li ġab miegħu l-Papa Franġisku sa mill-bidu nett tal-papat tiegħu. Bidla li tista’ tgħid ukoll hi xhieda li dan il-papa kien l-ewwel Papa Ġiżwita.
L-immigrazzjoni
Tul il-papat tal-Papa Franġisku tema oħra li kienet prominenti kemm fit-tagħlim u fil-messaġġi tiegħu, hi t-tema tal-immigrazzjoni. F’Marzu tal-2024 il-Papa Franġisku jiddiskrivi lill-immigranti bħala wiċċ Kristu u f’din l-istess żjara ġewwa l-Panama jinkoraġġixxi lill-immigranti preżenti biex qatt ma jinsew id-dinjità umana tagħhom u ma jibżgħu qatt iħarsu f’għajnejn xi ħadd u jagħrfu l-importanza tagħhom infushom. Waqt li kien qiegħed abbord it-titjira tiegħu minn Malta għal Ruma, il-Papa Franġisku saħaq li l-immigranti għandhom dejjem jiġu milqugħa u fakkar kif l-Ewropa hi magħmula mill-immigranti.
Knisja li tilqa‘
“Ejja nkunu Knisja li ssib toroq ġodda, li toħroġ barra nnifisha u mmorru wkoll għand dawk li ma jmorrux quddies, dawk li telqu jew dawk li huma indifferenti.” Stedina li għamel il-Papa Franġisku fl-2013 għal udjenza preżenti ta’ kif għandha timxi l-Knisja. Fit-12-il sena ta’ tmexxija bl-eżempju anke tal-mod kif għażel li jgħix ħajtu, il-Papa Franġisku, qatt ma nesa lil ħadd warajh. Dejjem saħaq kif il-Knisja hija bħal sptar f’battalja li l-ħin kollu għandha tfejjaq il-feriti u takkumpanja lil niesha. Fl-istess diskors tal-2013 il-Papa Franġisku jfakkarna kif l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm bħala premju imma bħala mediċina b’saħħitha għal batut.
L-Ekonomija
Tema oħra li l-Papa Franġisku ma ddejjaqx jitkellem fuqha kienet propju l-ekonomija fejn fl-2018 fl-Iżvizzera tkellem fuq ekonomija li għandha sservi lill-umanità u tiddata. Fid-dokument Envangelii Gaudium, jikkundanna sistemi ekonomiċi li jipprijoritizzaw il-profitt, sistema li twassal għal esklużjoni soċjali. Il-Papa Franġisku jkompli jisħaq, anzi jqabbel sistemi li jinsew lill-fqir u l-batut mal-kmandament ‘La toqtolx’ għaliex hekk kif m’għandniex noqtlu lil persuni oħra l-istess m’għandniex neskludu gruppi soċjali differenti.
Fratelli Tutti
Fit-tieni enċiklika tiegħu, il-Papa Franġisku b’mod konkret wera x’kienet il-missjoni tiegħu sa mill-bidu tal-Papat. Fratelli Tutti, it-tema prinċipali tagħha, hekk kif jixhed l-isem tal-istess enċiklika huwa li nibnu dinja iktar ġusta, li jkun hemm il-paċi bejn in-nazzjonijiet u li bejn l-individwi jkun hemm sens ta’ fraternità u ħbiberija. Permezz tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, il-Papa Franġisku jistedinna sabiex nieħdu ħsieb lil batut u ma nibżgħux noħorġu ‘l barra miċ-ċrieki tagħna. Kien propju f’dan ix-xogħol fejn il-Papa Franġisku jagħmel appell u jisħaq li politika tajba għandha tpoġġi fi prijorità lill-fqir u lill-vulnerabbli.
Xogħol fis-silenzju u fis-sempliċità
Karatteristika ħelwa u b’saħħitha immens għalina l-Insara fil-Papa Franġisku hija kif dejjem kien sempliċi fl-istil ta’ ħajja li għex. Qatt ma xtaq li jgħix ħajja ta’ lussu li taqtgħu mir-realtà li s-soċjetà qed tgħix. L-istess għall-atti ta’ karità li għamel f’ħafna silenzju mingħajr daqq ta’ trombi. Eżempju waqt il-gwerra ta’ Gaża ta’ kuljum kien iċempel lill-kappillan biex jara kif inhuma bħala komunità u forsi xi bżonnijiet li kellhom bżonn jew inkella kemm-il darba mar biex iżur lil morda u lil ħabsin. L-umiltà tiegħu tidher iktar ċara kif ma’ kull persuna li kien jiltaqa’ dejjem kien jistaqsiha biex titlob għalih.
Il-paċi madwar id-dinja
Tema oħra li tul ħidmietu dehret ċara ħafna kienet l-għajta kontinwa favur il-paċi. Il-vjaġġi appostoliċi tiegħu f’diversi pajjiżi anke dawk li kienu għaddejjin min xi tip ta’ kunflitt huma xhieda ta’ din il-ħidma kontinwa favur il-paċi. Fl-2013, ftit xhur wara li laħaq Papa, waqt l-Angelus jisħaq li “il-paċi hija rigal prezzjuż li għandu jiġi riklamat u protett. L-użu tal-vjolenza qatt ma ġab paċi. Il-gwerra ġabet magħha gwerra u l-vjolenza ġabet magħha vjolenza”. Kliem li iktar minn qatt qabel għandna bżonn ngħixuh.
L-importanza tat-talb
B’mod evidenti ħafna f’diversi mumenti f’dawn it-12-il sena, il-Papa Franġisku kien eżempju ħaj għalina l-Insara biex jurina l-importanza tat-talb. Tant hu hekk li wriena metodu sempliċi u prattiku ħafna ta’ kif aħna nistgħu nitolbu billi nużaw idejna.
- L-ewwel sebgħa; nitolbu għall-iktar nies viċin tagħna, dawk li huma l-iktar faċli biex niftakru fihom.
- Il-werrej; nitolbu għal dawk in-nies kollha li jgħallmuna u jieħdu ħsiebna. Nies li għandhom bżonn is-sapport u l-għerf biex ikunu jistgħu jkunu hemmhekk għal ħaddieħor
- Li jmiss; L-itwal sebgħa, ifakkarna fil-mexxejja tagħna u dawk kollha li qegħdin f’pożizzjoni ta’ awtorità. Nies li għandhom bżonn il-gwida mingħand Alla
- Taċ-ċurkett; l-iktar sebgħa dgħajjef tagħna, b’hekk nitlobu għall-iktar nies dgħajfa fis-soċjetà
- Is-sebgħa ż-żgħir; wara li nkunu tlabna għal kulħadd ikun imiss li nitolbu għal bżonnijiet tagħna nfusna.
Mument ieħor li ħalla impatt fuq diversi nies kien il-mument li waqt il-pandemija tal-Covid-19, hekk kif id-dinja kollha kienet imsakkra beżgħana ġewwa darha, il-Papa Franġisku ħareġ fi Pjazza San Pietru waħdu, jitlob għad-dinja. Ġest li jurina li minkejja l-età avvanzata tiegħu kien dejjem lest li jservi l-merħla tiegħu.
Ma ddejjaqx jitkellem fuq suġġetti diffiċli
Fl-ebda mument waqt il-Papat, il-Papa Franġisku ħarab minn diskussjonijiet li huma diffiċli. Fost l-iktar suġġett li ġie mitkellem kien propju dak ta’ diversi tipi ta’ abbużi mill-membri tal-kleru, tant hu hekk li ġiet maħluqa kummissjoni fuq il-protezzjoni tal-minuri. Kummissjoni li tkompli tinvestiga l-każijiet tal-passat u tagħti vuċi lil nies li sfaw vittmi ta’ xi tip ta’ abbuż fil-Knisja. Mument kruċjali ħafna huwa propju meta f’Lulju tal-2022 waqt żjara appostolika fil-Kanada, il-Papa Franġisku jitlob apoloġija għal dawn l-abbużi u jwiegħed li dawn ma jsiru qatt iktar.
Iż-żjara appostolika f’Malta
Għalina l-Maltin żgur mhux forsi mument għażiż ħafna kien il-mument li l-Papa Franġisku għamel il-vjaġġ appostoliku f’Malta. Fil-messaġġ tiegħu wara l-Angelus, il-Papa Franġisku jħeġġina biex inkomplu ninġsu l-katina ta’ qdusija li wasslet tant Maltin jingħataw lil Alla u lill-oħrajn bl-entużjażmu.
Source: Newsbook.com.mt