Int u taqra dan l-artiklu, fost l-1,300 familja li jgħinu l-parroċċi Maltin, hemm:
– familja ta’ 5 li qed tgħix ġo garaxx qies ta’ karozza, b’tifel b’kundizzjoni serja jistenna operazzjoni
– missier bi 3 itfal jgħixu ġo garaxx jistennew li jingħataw post sussidjat għax il-kera li kienu fiha għoliet wisq u f’daqqa
– madwar 11-il familja bla dar jgħixu f’karozza
– anzjan li kien jgħix f’karozza, fittex l-għajnuna tal-kappillan għax peress li skadietlu l-liċenzja tal-karozza, ħadulu l-karozza u issa sab ruħu bla dar
– diversi familji ma jistgħux isostnu l-ispejjeż li ġġib magħha l-iskola u l-edukazzjoni ta’ wliedhom anke wara li jkunu ġew megħjuna mill-Gvern permezz ta’ skema 9
– diversi persuni li m’għandhomx min jipprovdilhom l-għajnuna meħtieġa biex jgħixu b’dinjità fil-komunità
… u ħafna sitwazzjonijiet oħra.
Biex din il-ħidma sseħħ isiru diversi inizjattivi. Il-Caritas Malta, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Alfred Mizzi u ‘l fuq minn 100 voluntier, se tkun qed twassal 800 ikla bieb bieb lil nies fil-bżonn. Fil-parroċċi madwar Malta, madankollu, ikunu qed isiru wkoll diversi inizjattivi oħra. Bħala eżempju nistgħu nsemmu s-siġra tal-imħabba fil-Parroċċa ta’ San Girgor f’Tas-Sliema, u dik li ssir fil-Parroċċa ta’ Sant’Anna f’Wied il-Għajn id f’id ukoll mal-iskola primarja. Fil-Parroċċa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ, it-tfal jagħmlu ġabra ta’ ikel, u jagħtuha biex titwassal lill-familji fil-bżonn madwar Malta. F’San Ġiljan, grupp ta’ familji jieħdu responsabbiltà biex isajru numru ta’ porzjonijiet iktar mill-ikla tal-Milied tagħhom u dawn jgħadduhom lill-familji oħra li jafu u jaħdmu magħhom matul is-sena kollha.
Int tista’ tgħin lil dawn il-parroċċi u aġenziji bħall-Millennium Chapel, il-Fondazzjoni Jeanne Antide, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, il-Caritas, il-Fondazzjoni Sebħ fil-komunità, l-Istitut Paolo Freire u d-diversi parroċċi jkomplu jsaħħu din il-ħidma.
Dan tista’ tagħmlu billi l-ewwel toffri xi ftit ħin minn tiegħek! Il-bżonnijiet huma varji, u l-possibbiltajiet huma wkoll. Bħal pereżempju l-ħin soċjali li jistgħu joffru studenti bħala parti mill-kors tagħhom. Adulti u anzjani jistgħu jingħaqdu f’inizjattivi skont l-interess, il-ħiliet u/jew l-esperjenzi tagħhom. Kulħadd għandu xi ħaġa prezzjuża x’joffri! Anke sagħtejn fix-xahar prezzjużi!
Min irid jista’ jgħarrafna bl-interess tiegħu/tagħha billi jimla formola żgħira bid-dettalji fuq djakonija.org jew billi jkellem lill-kappillan. Wieħed jista’ anke jgħin b’donazzjoni għall-ħidma tad-djakonija lill-parroċċa jew lil waħda mill-aġenziji msemmija jew permezz tan-numri 51002037 għal donazzjoni ta’ €20 jew 51902072 għal donazzjoni ta’ €50.
Għal iktar tagħrif ċempel lid-Djakonija fuq 79822886 jew ibgħat fuq [email protected].