Punti mill–omelija tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. waqt il-Quddiesa li saret nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Ġunju, 2010, fil-Katidral tal-iMdina, f’għeluq is-Sena Saċerdotali.
Mark 12, 18-27
- Dawl li qiegħed jagħtina l-Mulej fuq iż-żwieġ u bħala konsegwenza fuq iċ-ċelibat.
- Qiegħed ifakkarna fil-pjan sabiħ ta’ Alla li fit-temporalità tagħna li tinkludi l-bniedem shih – ruħ u ġisem – huwa għamel dan il-pjan li jagħmel lill-bniedem raġel u mara biex permezz tal-imħabba tagħhom, li tesprimi ruħha anki fl-għaqda fiżika, jista’ jkun hemm kontinwità fil-ħolqien tiegħu li l-bnedmin jitkattru. Aħna ġejna msejħin minn Alla l-Imbierek biex naqduh billi ngħinu lill-aħwa miżżewġin jgħixu dan il-pjan.
- Izda Ġesù jitkellem ukoll fuq l-eternità, u waqt li jgħid li dan il-pjan taż-żwieġ huwa fundamentali għall-ħajja waqt din l-art, jgħid ukoll li fl-eternità, “la jżewġu u l-anqas jiżżewġu”. Issa l-bniedem ikun f’ħajja eterna, l-ebda bniedem ma jkollu bżonn jipperpetwa lilu nnifsu permezz tat-tfal. Fl-eternità r-relazzjoni fundamentali tkun dik tad-dehra ta’ Alla l-Imbierek wiċċ imb’wiċċ. Aħna msejħin biex ngħixu dan l-istil ta’ ħajja permezz taċ-ċelibat: l-ulied tagħna huma dawk li nwelldu lill-Mulej mhux fil-ġisem iżda fl-Ispirtu.
2 Tim 1, 1-3.6-12
Misteru
- “Pawlu, bir-rieda ta’ Alla, appostlu ta’ Kristu Ġesù”: Huwa ‘don’ u allura rridu ngħixuha bil-kundizzjonijiet ta’ min tahulna li narawhom fil-ħajja ta’ Kristu Ġesù, u anki ta’ San Pawl. Kull mod ieħor huwa nuqqas minn dan id-don.
- “skont il-wegħda tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesù”: Meta Ġesù sejħilna għal sejħa partikulari huwa wegħdna ħajja li permezz tagħha l-appostolat tagħna jibda jagħmel sens bħala xhieda ta’ din il-ħajja personali miegħu. Irridu nitolbuha u naċċettawha kontinwament.
- “grazzja, ħniena u sliem”: dawn huma t-tliet grazzji li San Pawl iħoss li jagħti l-Mulej. Il-grazzja li hija d-don biex wieħed jgħix ir-realtà tiegħu f’għaqda ma’ Ġesù. Il-ħniena li hija l-grazzja ta’ Alla li kapaċi tegħleb il-limitazzjonijiet u d-dnubiet kollha tagħna. Is-sliem li hija l-għaqda ma’ Ġesù bħala l-blata tagħna li madwarha kull avveniment ieħor ma jibqax iktar tfixkil.
- “salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skont il-pjan tiegħu stess, u skont il-grazzja tiegħu”: din is-sentenza tgħinna ngħixu s-sejħa saċerdotali tagħna b’umiltà. Is-sejħa ma tibdix għaliex il-Mulej ra xi ħaġa speċjali tagħna ħlief ir-rieda tiegħu li kapaċi jbiddilna bil-grazzja tiegħu f’appostli għalih. Riflessjoni fuq l-għażla ta’ min kienu l-appostli fil-bidu meta sejħilhom Ġesù – sajjieda, wieħed li jiġbor it-taxxi – u kif biddilhom Ġesù fl-Ispirtu s-Santu għandhom ineħħu minna kull ftaħir tagħna nfusna u jagħmilna persuni miftuħin għall-grazzja ta’ Alla.
- “Il-grazzja tahielna qabel iż-żmien, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù”: L-eternità hija tal-Mulej u kull ma jagħmel il-Mulej għandu valur etern, inkluż l-għażla tagħna. Iżda l-għażla tagħna trid titwettaq fiż-żmien, fil-ħajja u l-post fejn ngħixu. Aħna ma nistgħux ngħixu biss fl-eternità, izda fost in-nies, il-Knisja li qed ngħix fiha issa. Is-saċerdozju tagħna jrid ikun kontinwazzjoni tal-Inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, fejn id-Divinità, l-lben ta’ Alla, daħal fl-istorja tagħna. Huwa permezz tagħna li huwa jerġa’ jidħol fl-istorja tal-persuni f’kull post u f’kull żmien.
Komunjoni
- “Inrodd ħajr lil Alla li lilu nqim b’kuxjenza safja”: II-Mulej ħalaq kull persuna xbieha tiegħu, fl-imħabba.Ġesù spjegahielna iktar meta qalilna li din il-komunjoni rridu ngħixuha fil-kuntest ta’ riflessjoni u għixien fuq il-mod ta’ kif iħobb Alla l-Missier u li dehret f’Sidna Ġesù Kristu. Ġesù – l-għemil tiegħu, it-tagħlim tiegħu – huwa d-definizjoni tal-imħabba li aħna għandna. Il-komunità nisranija kollha trid tgħix fid-dawl ta’ din l-imħabba u l-unika għajn li għandna biex ngħixuha hija li nirċevuha f’komunjoni personali ma’ Alla l-Missier. Aħna rridu mmexxu lill-komunità nisranija biex tgħix din il-komunjoni. Ir-radd ta’ ħajr u l-qima li jsemmi San Pawl huma l-qofol ta’ din ir-relazzjoni ma’ Alla.
- “Lil Timotju, ibni l-għażiż”: “niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi, leil u nhar”: San Pawl jurina l-komunjoni li għandha teżisti bejn il-membri tal-Knisja u f’dan il-każ bejn żewġ appostli fis-servizz tal-Mulej. Dan il-kliem ta’ San Pawl jġegħluna nagħarfu l-importanza tal-għaqda u l-komujoni bejnna l-presbiteri fis-servizz tal-Mulej. Il-kelma ‘ħija’ għandha tkun il-mod kif nindirizzaw lil xulxin. It-talb għal xulxin u għall-presbiteri għandu jkun parti importanti mill-komunjoni tagħna. Il-post prinċipali fejn dan għandu jsir huwa fil-presbiterju, iżda hemm minna li qegħdin ifittxuh f’diversi gruppi ta’ saċerdoti. Huwa ċert li ma nistgħux insibu din il-komunjoni billi niżolaw lilna nfusna.
- “Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju u afda fil-Qawwa ta’ Alla”: San Pawl qiegħed jitlob is-solidarjetà ta’ Timotju fil-ħidma tiegħu favur l-Evanġelju li tinkludi wkoll it-tbatija. Fostna nsibu eżempji kbar ta’ din il-forma ta’ solidarjetà, iżda nsibu wkoll eżempji ta’ egoiżmu li jingħalaq fil-kumdità personali. L-egoiżmu personali dejjem għandu prezz: ħaddienor se jkolli jerfa’ t-tagħbija li ma nerfax jien! Tajjeb li ma ninsewx dan. San Pawl qiegħed isejħilna għal iktar generożità ħalli l-grazzja li rċevejna fl-Ordinazzjoni Saċerdotali ma tiswix fix-xejn. Anki ta’ dan irridu nagħtu rendikont quddiem Alla.
Responsabiltà
- ”Infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja”: Hawnhekk San Pawl qiegħed ifakkarna fiż-żewġ aspetti tal-grazzja li rċevejna fl-Ordinazzoni tagħna. L-ewwel aspett hija d-Don ta’ Alla li rċevejna. Ħafna drabi aħna qabel l-Ordinazzjoni ħsibna fuq din il-grazzja li se nirċievu u tlabna għaliha. Biss, mhux dejjem niftakru f’dak li qiegħed jgħid San Pawl lil Timotju: “Infakkrek biex tqajjem fik id-Don ta’ Alla”. Din id-darba mhux id-don, iżda l-kwalità tat-tweġiba tagħna għad-Don ta’ Alla, li ma jibqax don li nitolbuh, iżda appostolat li nwettqu. Importanti li ħadd minna ma jħalli d-Don ta’ Alla jorqod!
- “Tana spirtu ta’ qawwa, imħabba u rażan”: Biex uża dawn it-tliet kelmiet sinjal li San Pawl ħass li huma fundamentali fil-qadi tad-Don tat-tqegħid tal-idejn li qiegħed ikellem lil Timotju fuqu. L-appostlu, u l-presbiteru, għandu bżonn il-qawwa biex il-forza li toħrog minnu tkun akbar mill-qawwiet li hemm barra minnu u li jistgħu jfixkluh; ir-rażan għaliex l-ewwel għadu li rridu negħlbu biex inwettqu l-għemejjel tal-Mulej huwa proprju lilna nfusna: irridu nrażżnu s-suppervja, l-egoiżmu, u oħrajn; imbagħad jista’ jirriżulta li l-għemejjel tagħna jistgħu jkunu frott tal-imħabba li tfisser id-don tiegħek innifsek lill-oħrajn.
- “La tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna”: “Ma nistħix għax jien naf f’min emmint, u naf li hu jista’ jħares it-Teżor li kien fdat f’idejja”. Dan il-kliem ta’ San Pawl ifissru l-identità tiegħu bħala nisrani l-ewwel u bħala appostlu t-tieni, li huwa kiseb meta kkonverta lejn il-Mulej. Anki aħna, b’umiltà kbira, iżda b’sens ta’ xhieda quddiem il-Poplu ta’ Alla rridu nippreżentaw lilna nfusna mingħajr mistħija jew kumpless ta’ inferjorità quddiem il-poplu ta’ Alla: il-Mulej qegħedna hemm biex bl-għotja ta’ ħajjitna, immexxu lill-poplu biex jersaq lejn Alla. L-ebda rwol ieħor – la social worker, la biss counsellor, ma jistgħu jieħdu l-ewwel post quddiem is-saċerdozju tagħna, iżda joħorgu u jkunu marbutin miegħu.
- “li għalih jien kont magħżul: appostlu, predikatur u mgħallem”: Hekk jispejga San Pawl lil Timotju l-identità tiegħu li toħroġ mis-sejħa partikulari tiegħu: “appostlu – mibgħut” bħala sinjal li xejn mhu ġej minna biss, iżda biss għax mibgħutin; predikatur, jigifieri dak li jikkontempla l-kelma, jagħmilha tiegħu u jgħaddiha lill-oħrajn bħala esperjenza; mgħallem, għaliex il-Kelma ta’ Alla ġiet mogħtija lili f’isem il-Knisja, biex biha ngħallem lill-oħrajn bil-Verità skont il-Mulej Ġesù.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Click on the photo to enlarge. The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]