• *****

    Direttur: Bryan Singer
    Atturi: James McAvoy, Michael Fassbender, Jennifer Lawrence, Oscar Isaac, Nicholas Hoult, Rose Byrne, Tye Sheridan, Sophie Turner, Olivia Munn u Lucas Till
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
    Ħin tal-Film: 144 min.
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
     
    En Sabah Nur, magħruf bħala “Apocalypse”, l-ewwel wild bħala mutant, jinsab jaħkem ġewwa l-Eġittu fis-sena 3200 QK sakemm rebelljoni kontra tiegħu ssib ruħu midfun f‘piramida, waqt li l-Erba’ Rikkieba taż-żwiemel jinqatlu fl-istess attentat. En Sabah iqum fl-1983 u jintebaħ li d-dinja insietu għal kollox u mingħajr il-preżenza tiegħu, kienet ħżienet ħafna. Għalhekk jiddeċiedi li jeqred għal kollox din is-soċjeta’ korrotta u hekk jibni dinja aħjar. Biex jibda din il-missjoni, En Sabah jirrekluta lil Orora Munroe, maghruf bħala “Storm”. Sadanittant, Raven Darkhome kien sar wieħed mill-mutanti prinċipali fil-komunita’. Kienet ix-xewqa tiegħu li joħloq komunita’ li kienet kapaci tgħix  ħajja paċifika mal-kumplament tal-umanita’. Waqt li kien qiegħed jinvestiga isib li kien hemm ġlieda bejn bejn Angel  u Nightcrawler. Nightcrawler joħroġ rebbbieħ.  Meta En Sabah jasal fuq il-post  jikkura lil Angel u ttih ġwienaħ magħmula mill-metall, waqt li jtih l-isem ta’ Archangel.  Sadanittant ġewwa New York, iż-żagħżugħ Scott Summers jintebaħ li bħala mutant kien gie attivat. Minħabba f’hekk jittieħed għand ħuh Alex ġewwa X-Mansion fejn hemm il-Professur Charles Xavier u Hank McCoy iħarrġuh biex jkun jista’ jikkontrolla din il-qawwa ġdida li skopra bħala mutant. Scott jiltaqa’ ma’ Jean Grey, li kienet hemm ukoll biex tkun tista’ tikkontrolla l-qawwa kenetika li kienet skopriet bħala  mutant. Raven iwwissi lil Xavier fuq il-pjani li En Sabah kien qiegħed iħejji. Iġib miegħu lil Nightcrawler. Kollox kien jidħer mħejji li bejn in-nies ta’ Xavier u l-allejati li ġabar En Sabah, fosthom Elizabeth Braddock u Ororo, kienet sejra tfaqqa battalja qalila. X’jiġri minn hawn?
    Film li jkompli fejn ħalla  għaxar snin ilu l-avventrui li ġraw fl-X-Men: Days of Future Past meta l-Professur X, Magneto u Mystique kienu nfirdu minn xulxin, sakemm din l-avventura ġdida tlaqqgħahom flimkien biex jeħduha kontra Apocalypse li qam minn qabartu u li jiddeċiedi li jeqred id-dinja minħabba li sabha korrotta wisq. Dan huwa d-disa’ film minn sensiela ta’  X-Men taħt id-direzzjoni ta’  Bryan Singer. Minnħabba l-istorja fiha nfisha kif ukoll xeni li jistgħu  jimpressjonaw lit-tfal, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.