-
-
***
Direttur: Stephen Frears
Atturi: Judi Dench, Ali Fazal, Eddie Izzard, Tim Pigott-Smith, Adeel Akhtar, Michael Gambon, Julian Wadham u Olivia Williams
Ħin tal-Film: 106
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Abdul Karim hu Indjan u Musulman. Kien jaħdem bħala skrivan ġewwa ħabs.
Jum wieħed, id-Direttur tal-ħabs sejjaħlu biex jinfurmah li hu kien ġie magħżul biex, flimkien ma’ Indjan ieħor, jmorru l-Ingilterra fejn hemm kellhom jippreżentaw lil Reġina Victoria, midalja speċjali fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Deheb li kien qiegħed jiġi ċċelebrat fl-Imperu Ingliż fl-1887. L-għażla ta’ Abdul kienet għar-raġunjiet li hu kien twil u gustuż barra wkoll li kien ġej minn familja magħrufa ġewwa l-Indja għax-xogħol li kienu jagħmlu fuq twapet fini.
Abdul, flimkien ma’ sieħbu Mohammed, sabu ruħhom ġewwa l-Ingilterra, mlibsin b’ilbies fin u rjali biex b’hekk ikunu lesti biex jippreżentaw din il-midalja speċjali. Dan kellhom jagħmluh waqt ċena speċjali. Kollox mar sew fil-preżentazzjoni u għalkemm ġew imwissija biex ma jħarsux dirett lejn għajnejn ir-Reġina, Abdul ma setgħax jegħleb it-tentazzjoni li ma jagħmilx dan. Ir-Reġina Victoria min-naħa tagħha mill-ewwel inġibdet lejh u f’qasir żmien mhux biss sab ruħu fost il-ħaddiema li kienu jaħdmu fil-palazz rjali iżda wkoll b’sorpriza għal kulħadd, Abdul sar l-għalliem tal-lingwa Urdu għar-Reġina li kienet tieħu pjaċir li kienet sabet bniedem tant ġenjali u simpatiku. Fil-fatt hu kien strument li jbiddel għall-aħjar l-aħħar snin ta’ ħajjitha. Abdul mhux biss kien l-għalliem, iżda wkoll sar il-konsulent spiritwali u l-ħabib devot tagħha. Meta r-Reġina Victoria ssir taf li hu kien miżżewweġ, ġabet tgħix qrib il-palazz, il-familja tiegħu.
Din ir-relazzjoni li nibtet bejn ir-Reġina u Abdul, qajmet ferment kbir mhux biss fl-għola karigi fil-palazz Irjali, fosthom ukoll il-Prinċep Albert, iżda wkoll f’dawk kollha li kienu jaħdmu hemm. Fost it-temi li r-Reġina u Abdul kienu jiddiskutu kien hemm il-kwistjoni tar-razez, reliġjon, poter u l-Imperu Ingliż. Kif sejra tispiċċa din l-avventura għal Abdul?
Film Brittaniku-Amerikan, kummiedja biografika taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Frears, kitba ta’ Lee Hall u msejjes fuq il-ktieb, bl-istess isem, minn Shrabani Basu li wara riċerka riċenti sabet din l-informazzjoni li għal ħafna snin kienet mistura u tefgħet dawl ġdid fuq l-aħħar snin tar-Reġina Victoria u r-relazzjoni ta’ ħbiberija ġenwina li hi żviluppat ma’ Abdul Karim, qaddej Indjan.
Film interessanti li juri l-fedeltà ġenwina mqabbla ma’ dawk ta’ ġewwa’ fosthom l-istess membri tal-familja Rjali.