-
-
****
Direttur: Ruben Fleischer
Atturi: Tom Hardy, Michelle Williams, Riz Ahmed, Scott Haze, Reid Scott, Jimmy Slate, u Melora Walters
Ħin tal-Film: 112 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Waqt esplorazzjoni fl-ispazju biex jinstabu dinjiet ġodda, vettura spazjali mingħajr nies fuqha u li kienet proprjetà tal-korporazzjoni bijoinġinerija: Life Foundation tiskopri kometa miksija b’life forms simbjotiċi. Kif il-vettura tkun ġejja lura lejn id-dinja b’erba’ kampjuni, wieħed minnhom jaħrab u jikkawża l-waqa’ tagħha. Il-Life Foundation jirnexxielha tirkupra tlieta minnhom u tittrasporthom lejn il-faċilitajiet li kellha ġewwa San Francisco.
Carlton Drake, is-CEO isir jaf li s-simbjotiċi ma kienux jistgħu jibqgħu ħajjin jekk ma jkollhomx xi ħlieqa li tipprovdilhom l-ossiġnu. Iżda anke dawn, ħafna kienu jirriġettaw dawn is-simbjotiċi. Eddie Brock, ġurnalist investiggativ jiġi assenjat biex jintervista lil Drake fuq l-esplorazzjoni li qegħda ssir fl-ispazju. Waqt l-intervista, Brock jikkwota minn dokument klassifikat li Anne Weying, avukata u l-għarusa tiegħu kellha fil-pussess tagħha meta bdiet tiddefendi l-Life Foundation f’kawża fil-qorti. Brock jistaqsi lil Drake dwar l-esperimenti li kienu qegħdin isiru fuq bnedmin fil-laboratorji tal-Foundation. Din l-intervista tiskomoda ħafna lil Drake, tant li kemm Brock kif ukoll Weying jitilfu xogħolhom. Weying ukoll ttemm ir-relazzjoni tagħha ma’ Brock.
Sitt xhur wara, Drake jinsab qrib li jsib soluzzjoni b’suċċess fuq is-simbjotiċi. Sadanittant Brock jiġi avviċinat minn Dora Skirth, xjentista li taħdem fil-laboratorju ma’ Drake. Hi xejn ma kienet kuntenta b’dak li kien qiegħed jiġri u xtaqet ħafna li tgħin lil Brock biex jesponi lil Drake b’dak li kien qiegħed jagħmel. Bl-għajnuna tagħha, hu jidħol fil-laboratorju biex ikun jista’ jakkwista evidenza. Hemm isir jaf li Maria, konoxxenza tiegħu u li kienet tinsab bla dar, kienet tinsab hemm ġew, miżmuma bħala persuna biex fuqha jsiru l-esperimenti. Brock jipprova jeħles lil Marija iżda din attakkatu u s-simbjotiku li kien ġewwa fiha ttrasferixxa lilu nnifsu ġewwa fih. Brock jirnexxielu jaħrab iżda ma jdumx ma jibda juri sintomi strambi. Meta jasal għand Weying, l-eks maħbuba tieghu, din tieħdu għand l-għarus l-ġdid taghha, Dr. Dan Lewis li jeżaminah u jiskopri li ġewwa fih kien hemm is-simbjotiku. Sadanittant, Drake joqtol lil Skirth għal dak li għamlet meta esponietu. Il-ftit simbjotiki li jibqgħu ħajjin, jmutu kważi kollha ħlief dak li kien jinsab ġewwa Brock u ieħor li daħal ġewwa Drake. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan fuq is-supereroj msejjes fuq il-karattru mill-Marvel Comics. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Fleischer. Minhabba vjolenza, koabitazzjoni kif ukoll kliem profann u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.