***
Direttur: John Hillcoat
Atturi: Casey Affleck, Chiwetel Ejiofor, Anthony Mackie
Ħin: 115 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Wara li Terrell u sħabu, żewġ pulizija korrotti u żewġ ex-suldati, iwettqu serqa perikoluża minn bank għal kap bla qalb ta’ mafja Russa, Irina Vaslov, hija tinsisti li mhux se tħallashom qabel ma jagħmlu biċċa xogħol oħra aktar diffiċli. Jekk ma jagħmlux dak li qedha tordnalhom ikollhom jiffaċċjaw konsegwenzi serji. Fil-każ ta’ Michael, wieħed mill-pulizija korrotti, il-konsegwenzi jinvolvu lit-tifel li kellu minn Elena, oħt Irina, u li jinsab f’idejn il-mafja, u li għalhekk ma tantx għandu għażla oħra ħlief li jagħmel dak li trid Irina biex ma jitlifx lil ibnu. Imma l-oħrajn m’humiex ta’ min jorbot fuqhom u rashom sħuna. Wieħed mill-pulizija korrotti jkollu sieħeb ġdid, Chris, li hu n-neputi ta’ detective frustrat li qed jipprova jaqbad x’inhu għaddej. Hekk kif joqrob iż-żmien għas-serqa li jmiss kollox jista’ jiġri. Il-pjan hu li l-ħallelin jaljenaw lil pulizija billi joqtlu wieħed minnhom, li fil-kodiċi tal-pulizija huwa 999. Imma liema pulizija se jiġi maqtul?
Film thriller mimli enerġija u tensjoni u li jżommok fuq ix-xwiek, b’atturi tajbin li jaqalgħu l-karattri tajjeb ħafna. L-iscript hu komplikat u mhux faċli jkollok simpatija ma xi wieħed mill-karattri. Il-film fih xeni ta’ serq, nudita’, vjolenza qawwija, u kliem ħażin. Jgħodd għal-udjenza adulta.