-
-
***
Direttur: Dome Karukoski
Atturi: Nicholas Hoult, Lily Collins, Colm Meaney, Derek Jacobi, Anthony Boyle, Patrick Gibson, Tom Glynn-Carney,Craig Roberts, Pam Ferris u James MacCallum
Ħin tal-Film: 111 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
John Ronald Reuel Tolkien twieled fit-3 ta’ Jannar 1892 ġewwa Bloemfontein, fl-Orange Free State fl-Afrika t’Isfel. Il-ġenituri tiegħu kienu t-tnejn Brittaniċi, Missieru kien Arthur ReueTolkien, bankier u ommu Mabel, darba missjunarja ġewwa Zanzibar. Arthur miet ta’ età żgħira gewwa l-Afrika u għalhekk Mabel iddeċidiet li tieħu ż-żewġ subien, Ronald u Hilary ġewwa l-Ingilterra, fil-villagg ta’ Sarehole. Omm Ronald kienet spiss tirrakkonta lit-tfal tagħha leġġendi fuq draguni, kavallieri u dehbijiet. Minħabba persukuzzjoni minn xi Protestanti għax Mabel saret Kattolika, il-familja marret tgħix ġewwa Birmingham.
Sfortunatament, hi mietet fl-1904 u Ronald u ħuh sfaw orfni. B’xorti tajba għaddew taħt il-ħarsien ta’ Father Francis Morgan, qassis Kattoliku li ħa ħsieb li ssibilhom dar ta’ kenn għall-orfni mmexxija minn Mrs. Faulkner. Hawn kienet tgħix ukoll Edith Barth, orfni ukoll, tliet snin ikbar minn Ronald. Għall-istudju Ronald gie aċċettat fil-King Edward’s Grammar School, skola Kattolika elitista. Ronald għamel ħbieb ma’ Geoffrey Bache Smith, Robert O. Gilson u Christopher Wiseman. Wara l-iskola kienu jħobbu jmorru Barrows fejn hemm kienu jqattgħu ftit siegħat jiddiskutu l-interess artistiku tagħhom. Din il-ħbiberija għenet lil Ronald jibda juri interess fil-letteratura u l-lingwi u għenitu ħafna ‘l quddiem biex isir famuż bil-kitbiet tiegħu l-aktar: The Hobbit u The Lord of the Rings. Il-grupp beda jirreferi għalih bħala T.C.B.S. (Tea Club Barrovian Society). Ronald ukoll beda relazzjoni ma’ Edith Barth li wara xi żmien saret martu.
Ronald wara li temm l-istudju sekondarju, daħal l-Unversità ta’ Oxford fejn hemm ġie f’kuntatt ma’ professur ta’ fama, Dr. Joseph Wright. Meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, sfortunatament sfaxxa kollox. Ronald u tnejn minn sħabu spiċċaw fit-trunċieri ġewwa Somme fi Franża. Fi flashbacks, Ronald spiss kien jiftakar il-qagħda tal-biża’ li sab ruħu fiha u kemm għamel ħiltu biex jipprova jsib wieħed minn sħabu li kien maħsub mejjet fit-trunċieri. Ronald stess marad serjament bi “trench fever” u spiċċa lura l-Inglilterra fejn hemm sab lil Edith Bratt tistennieh l-isptar. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, biografiku, taħt id-direzzjoni ta’ Dome Karukoski u kitba ta’ David Gleeson u Stephen Baresford. Minħabba xeni vjolenti f’taqbid fi gwerra mdemmija u immaġini tal-biża’, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.