-
The World’s End
-
***
Direttur: Edgar Wright
Atturi: Simon Pegg, Nick Frost, Paddy ConsidIne, Martin Freeman, Eddie Marsan David Bradley u Rosamund Pike
Ħin tal-film: 109 min.
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Gary King, alkoħolku u edonista, jiddeċiedi li jerġa’ jsib lil sħabu tal-imgħoddi u jipprova jipperswadihom biex iwettqu dak li ma kienx irnexxielhom jagħmlu tant snin ilu li jispiċċaw b’suċċess “The Golden Mile”. Dan kien ifisser li f’lejla waħda żżuru tnax –il ħanut tax-xorb fil-belt ta’ Newton Haven fejn darba kienu jgħixu. Għoxrin sena ilu kienu għadhom żgħażagħ , għamlu tentattiv biex iwettqu din l-isfida iżda qatt ma rrnexxielhom jispiċċaw sal-aħħar il-ħanut tax-xorb bl-isem ta’: “The World ‘s End”. Wara ħafna persważjoni, Gary irnexxielu jipperwadi lil Peter, Oliver, Steven u Andy biex jerġgħu jilqgħu din l-isfida. Illum -il ġurnata, dawn kienu jgħixu ħajja responsabbli bħala adulti, waqt li Gary ftit li xejn kien inbidel mis-sena 1990, baqa’ qiesu tifel u impulsiv. L-ewwel ħanut tax-xorb li daħlu fih kien “The First Post” fejn ma ġew milqugħa xejn tajjeb kontra dak li kienu qegħdin jistennew. Fil-ħanut tax-xorb: “The Old Familiar”, il-grupp jiltaqgħu għal ftit ħin ma’ Sam, oħt Oliver. Steven kien baqa’ miġbud lejn Sam u qatt ma kien ħafer lil Gary talli darba kien raqad ma’ Sam. Fil-ħanut: “The Famous Cock”, Gary jitkeċċa ‘l barra minħabba l-imġieba hażina tiegħu tant snin ilu ġewwa l-istess ħanut tax-xorb. Fil-ħanut tax-xorb: “The Cross Hands”. Gary jispiċċa fi ġlieda ma’ żagħżugħ li spiċċa ħażin għaliex Gary aċċidentalment tajjarlu rasu u jinkixef li wara kollox dan kien robot. Żgħażagħ oħra, li kollha kienu robots, jispiċċaw ukoll ħażin. X’qiegħed jiġri f’din il-belt? Jista’ jgħati l-każ li din il-belt ġiet attakkata minn robots li biddlu n-nies kollha f’robots? L-istorja tal-film tkompli bl-avventuri li dan il-grupp ikollhom hekk kif minn ħanut tax-xorb għall-ieħor jippruvaw iwettqu x-xewqa ta’ Gary. Tgħid jirnexxielhom?
Film interessanti u li juri l-intelliġenza tal-bniedem versus dik tar-robots. Minħabba vjolenza qawwija, l-użu ta’ droga, xorb bla sens, kif ukoll kliem baxx u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.