-
The Wolf of Wall Street
-
****
Direttur: Martin Scorsese
Atturi: Leonardo DiCaprio, Jonah Hill, Margot Robbie, Matthew McConaughey, Kyle Chandler, Rob Reiner, Jon Bernthal, Jon Favreau u Jean Dujardin
Ħin tal-film: 179 min
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: AR
Fl-1987, Jordan Belfort jibda xogħol bħala sensar ta’ ishma llistjati fil-Borża ġewwa kumpanija magħrufa f’Wall Street, New York. Il-boss tiegħu, Mark Hanna, jagħtih il-parir li jekk irid jirnexxi jkun meħtieġ li jaddotta stil ta’ ħajja fejn is-sess u d-droga jsiru priorita` fil-ħajja tiegħu. Jordan f’qasir żmien jakkwista l-liċenzja li jkun jista’ jagħmilha ta’ sensar uffiċjali. Iżda sfortunatament ma jdumx ma jitlef xogħolu meta l-kumpanija falliet f’dak li hu magħruf bħala Black Monday. Jordan ma jaqtax qalbu. Hu jirnexielu jidħol f’Ċentru ta’ Investiment ġewwa Long Island li kien biss jittratta ma’ stocks ta’ valur żgħir. Bil-ħila tiegħu aggressiva biex ibiegħ, ma jdumx ma jibda jagħmel il-flus. F’qasir żmien, iddaħħal miegħu lil Donnie Azoff. Magħhom jingħaqdu oħrajn għalkemm mingħajr esperjenza ta’ xejn. Jordan iżda, bil-ħila tiegħu jħarriġhom. F’qasir żmien, minn kumpanija żgħira, taqbad ir-ritmu sew u ssir kumpanija magħrufa bħala Sratton Oakmont, f’biljunu ta’ dollari fi qligħ. Jordan idaħħal miegħu, bħala akkwantanti, lil ġenituri tiegħu, “Mad” Max u Leah Belfort. Il-ġid li beda jgawdi Jordan u l-kumpanija tiegħu resqithom lejn ħajja ta’ pjaċiri sesswali, droga u taħwid fil-ħajja personali tagħhom tant li Jordan anke beda jaqliba lil martu ma’ ħafna prostituti barra li sar dipendenti fuq il-kokaina u Quaaludes. Biex ikompli jinżel aktar l-isfel, Jordan jibda relazzjoni ma’ Noami Lapiglia u wara li jiddivorzja minn martu Teresa Petrillo, ma jdumx ma jissieħeb magħha fi żwieġ. Il-ħajja li Jordan u sħabu bdew jgħixu, ġibdet l-attenzjoni tal-invesitigatur tal-FBI, Patrick Denham li sab għajnuna minn entitajiet finanzjarji oħra. X’jiġri minn hawn?Film maħdum b’sengħa kbira, b’reċtar mill-aqwa, bi storja msejjsa fuq il-memoirs ta’ Jordan Belfort. Minħabba mġieba mmorali bla rażan ta’ xejn, ħajja sfrenata bla ebda rimors ta’ xejn, adulterju, kif ukoll abbuż serju mid-droga, jitlob li dan il-film jarawh adulti maturi u b’ċertu riserva.