-
-
**
Direttur: M.Night Shyamalan
Atturi: Olivia DeJonge, Ed Oxenbould, Deanna Dunagan, Peter McRobbie, Kathryn Hahn, Benjamin Kanes u Celia Keenan-Bolger
Ħin tal-film: 94 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Rebecca u ħuha Tyler xtaqu ħafna li jagħmlu żjara lin-nanniet tagħhom John u Doris, ġenituri ta’ ommhom Paula. Għar-raġunjiet li ommhom qatt ma qaltilhom, huma ma kienu lltaqgħu magħhom qatt, anqas ma raw xi ritratt tagħhom. Għalkemm ommhom ma tantx kienet ta’ l-idea li jmorru, iżda issa li kienu kibru, aċċettat li jmorru għal ġimgħa waqt li hi ppjanat kruż mas-sieħeb ġdid tagħha. Paula kienet telqet mid-dar bil-ġlied u għal dawn l-aħħar ħmistax –il sena qatt ma kienet reġgħet rathom. Il-ġenituri qatt ma kienu aċċettaw li hi tiżżewweġ lil Robert li kien l-għalliem tagħha. B’konsegwenza li Paula ħarbet mid-dar, iżżewwġet lil Robert u kellhom żewġ itfal. Illum il-ġurnata, Paula u Robert infirdu b’riżultat li Paula kellha tieħu r-responsabilta’ kollha fuq spallejha. Sadanittant, Rebecca u Tyler ippjanaw li jiġbdu video ta’ din il-mawra. Meta jaslu wara vjaġġ bil-ferrovia, in-nanniet John u Doris kienu hemm fl-istazzjon biex jistennewhom. In-naniet kienu jgħixu ġewwa dar rażżett iżolat. Rebecca u Tyler mill-ewwel ġew imwissija biex qatt ma jinżlu fil-kantina u li ma joħorġux minn kamrithom wara d-9.30 pm. Fl-ewwel lejl, Rebecca issograt toħrog minn kamritha u hemm tara lil nannitha tirremmetti mhux b’mod normali. Meta Rebecca nfurmat lin-nannu John, fakkarha li ma kellhiex toħroġ mill-kamra wara l-ħin stipulat. Ġranet wara, Rebecca u Tyler jinnutaw li n-nanniet kienu qegħdin juru mġieba xejn normali. X’kien qiegħed jigri? Min kienu fir-realta’ dawn iż-żewg persuni? Wara kollox, kienu tabilhaqq in-nanniet tagħhom? Kif sejra tiżvilippa l-qagħda iktar ma jgħaddi ż-żmien? Rebecca u Tyler, kienu jinsabu f’periklu serju ta’ ħajjithom?
Film Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ M. Night Shyamalan, ilaqqgħana ma’ Rebecca u Tyler, aħwa adolexxenti, tfal ta’ Paula li xtaqu ħafna li jagħmlu żjara għall-ewwel darba lin-nanniet tagħhom li qatt ma kienu raw. Ommhom kienet qatgħet kull rabta mill-ġenituri tagħha minn mindu ħarbet mid-dar ħmistax –il sena ilu meta riedet tiżżewweġ lill-għalliem tagħha kontra l-rieda tagħhom. Rebecca kienet ħerqana li tiġbed videjo ta’ din iż-żjara. Minħabba xeni ta’ biża’, kliem goff kif ukoll imġieba xejn normali tan-nanniet, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.