-
-
***
Direttur: John MaddenAtturi: Judi Dench, Maggie Smith, Bill Nighy, Dev Patel, Celia Imrie, Penelope Wilton, Ronald Pickup, David Strathairn u Richard Gere
Ħin tal-film: 122 min
Klassifika taċ-Ċensura: PG
Klassifika tal-Knisja: 12A
Sonny, żagħżugħ fuq tiegħu u kapaċi ħafna fix-xogħol tiegħu ta’ lukandier, xtaq ħafna li jespandi n-negozju tiegħu billi jixtri proprejta` li kienet għal bejgħ fuq is-suq. Kienet l-ħolma tiegħu. Il-lukanda li kien imexxi kienet kisbet tant suċċess li ħafna minn dawk marru joqogħdu hemm għal ftit ġimgħat iddeċiedew li jibqgħu hemm għall-ħajjithom kollha, b’riżultat li l-lukanda: THE BEST EXOTIC MARIGOLD HOTEL ma kienitx f’qagħda li toffri xi kamra oħra vojta ħlief għal xi kamra jew tnejn mhux tant ta’ lussu. Il-problema għal Sonny kienet li barra li ma kellux flus biżżejjed biex jixtri l-proprejta, kien wasal qrib ħafna li jiżżewweġ lil Sumaina, tfajla ħelwa u li kienet tagħmel parti mill-impjegati tal-lukanda. Il-fatt li l-lukanda kienet ta’ livell għoli għal nies sinjuri, offriet sfida għal Sonny meta fil-lukanda waslu Guy Chambers u Lavinia li xtaqu kamra. Sonny daħħalha f’rasu li Guy kien il-persuna mibgħut minn kumpanija Amerikana li setgħet tiffinanzja x-xiri ta’ lukanda ġdida u biex dan jagħmel rapport fuq dak li jkun ra u esperjenza fi ftit ġranet li jkun qatta’ fil-post. Sadanittant residenti fil-lukanda kellhom il-problemi tagħhom. Fosthom Evelyn u Douglas li kienu qegħdin jaħsbuha jekk jidħlux f’relazzjoni. Norman wkoll sab diffikulta biex jaġġusta r-relazzjoni esklusiva ma’ Carol. Madge li moħħha kien li tiżżewweġ kellha problema lil min tagħzel bejn tnejn li kienu tassew ħerqana li jkunu huma li jiżżewwiġah. Tgħid jirnexxi l-pjan ta’ Sonny li jiftaħ it-tieni lukanda taħt l-isem: THE SECOND BEST EXOTIC MARIGOLD HOTEL. Kif imur iż-żwieġ tiegħu ma’ Sumaina?
Film kummiedja Brittaniku, taħt id-direzzjoi ta’ John Madden, b’kitba ta’ Ol Parker, jsegwi film ieħor li ħareġ fis-sena 2012 taħt it-titlu: THE BEST EXOTIC MARIGOLD HOTEL. Il-film jiġbor fih numru ta’ atturi magħrufa fosthom Judi Dench, Maggie Smith, Bill Nighy, Celia Imrie, Richard Gere u oħrajn. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena iżda tfal taħt it-tnax, jistgħu jarawh jekk ikunu akkompanjati minn xi adult.