-
-
THE KEEPER ****
Direttur: Marcus H. Rosenmuller
Atturi: David Kross, Freya Mavor, John Henshaw, Dervia Kirwan, Dave Johns, Harry Melling, Chloe Harris, Mikey Collins, Gary Lewis u Michael Socha
Ħin tal-Film: 119 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Bert Trautmann fl-età ta’ sbatax-il sena ingħaqad mal-Luftwaffe fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit ġimgħat qabel id-D-Day, Trautman ġie ttrasferit fi Franza fejn hemm iġġieled f’numru ta’ konfronti qrib Arnhem. Qrib it-tmiem tal-gwerra, Trautman inqabad mill-Ingliżi u ġie ttrasferit lejn l-Ingilterra bħala priġunier tal-gwerra f’kamp ġewwa Ashton-in-Makerfield, Lancashire. Kien hawn li Trautman ġibed l-attenzjoni ta’ Jack Friar li kien iforni lill-kamp bi provisti ta’ laħam u ħaxix. Friar kien il-maniġer ta’ St. Helens Town, klabb tal-futbol għad-dilettanti. Hu kellu jdaħħal lil Trautman bħala goalkeeper għaliex it-tim xejn ma kien sejjer tajjeb u kien hemm il-biża’ li t-tim jaqa’ f’diviżjoni inferjuri.
Għal Trautman, il-bidu fit-tim ma kien faċli xejn. Il-fatt li kien priġunier Ġermaniż, xejn ma niżel tajjeb mal-partitarji li jaċċettawh mill-ewwel. Iżda mal-wasla tiegħu, il-qagħda mwegħra li t-tim kien jinsab fiha tbiddlet mill-lejl għan-nhar għaliex Trautman kien goalkeeper ta’ klassi, dejjem attent u lest b’kuraġġ kbir li jiddefendi l-lasta tiegħu b’saves spettakulari. Hekk kif il-preġudizzji kontra tiegħu bdew jonqsu, Trautman maż-żmien sar ħabib ta’ ħafna nies tal-lokal. Meta fis-sena 1948, ġie offrut li jintbagħat lura lejn pajjiżu, hu wera x-xewqa li ma jmurx lura tant li pprefera li jibqa’ jilgħab ma’ St. Helens waqt li baqa’ jgħin lil Jack Friar fir-razzett li kellu. Trautman ukoll kien tefa’ għajnejh fuq Margaret, bint Friar. Hi wkoll ma baqgħetx lura u maż-żmien iżżewwġu.
Il-wirjiet li beda jagħti bħala goalkeeper ta’ klassi ġibed l-attenzjoni ta’ scout li xogħolu kien li jfittex xi goalkeeper tajjeb għat-tim ta’ Manchester City. Fil-fatt fl-1949, Trautman iffirma ma’ Manchester City, tim li kien jilgħab fl-għola diviżjoni tal-league Ingliż. Id-deċiżjoni li l-klabb idaħħal jilgħab miegħu Ġermaniż xejn ma niżlet tajjeb mal-partitarji, ħafna minnhom Lhud, tant li anke nqalgħu xi protesti minħabba li Trautman kien ġie ddekorat b’ħames midalji inluż darbtejn bl-Iron Cross għall-qlubija tiegħu li wera fil-gwerra. X’jiġri minn hawn?
Film Brittaniku – Ġermaniż, taħt id-direzzjoni ta’ Marcus H. Rosemuller. L-imħabba bejn żewġ żgħażagħ, Bert u Margaret tirnexxielha tgħeleb preġudizzji, ostilità pubblika kif ukoll traġedja personali. Minħabba xeni ta’ vjolenza waqt ġlied imdemmi, kif ukoll delitt kiesah u biered ta’ tifel minn uffiċjal Ġermaniż, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu il-ħmistax-il sena.