-
-
***
Direttur: Felix Herngren
Atturi: Robert Gustafsson, Iwar Wiklander, David Wiberg, Mia Skaringer, Jens Hulten, Bianca Cruzeiro u Alan Ford
Hin tal-film: 112 min.KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12Allan Karlsson wara ħajja mimlija għomor u b’għadd kbir ta’ avventuri, jispiċċa jgħix ġewwa sptar privat għall-kura tal-anzjani. Kien wasal biex jagħlaq mitt sena iżda kien għadu jbiegħ is-saħħa. Il-ħajja saret monotona wisq għalih u għalhekk iddeċieda li jaħrab mid-dar tal-anzjani sewwasew fil-jum li fih kien kien sejjer jiċċcelebra l-mitt sena mit-twelid tiegħu. Allan jitlaq mingħajr ma kellu ħjiel fejn kien sejjer. Aċċidentalment, qabel ma jitla’ fuq il-karozza tal-linja, jispiċċa jieħu ħsieb bagalja mimlija flus. Minn hawn, bla ma qatt ma basar, jibda avventura li timplikah ma’ gang ta’ kriminali u qattiela li bdew jiġru warajh biex jerġgħu jakkwistaw il-bagalja mimlija flus. Barra li Allan kellu jiġi wiċċ imbwiċċ ma’ dawn in-nies, kellu jħabbat wiċċu ma ljunfant kif ukoll pulizija mill-iktar inkompetenti. Dawn l-avventuri żgur kienu jkunu avventuri li għal persuna normali kienu jieħdu żmien ħajtu kollha iżda mhux għal Allan. Permezz ta’ kumentarju bl-Ingliż, insiru nafu fuq il-hajja mżewqa li għex Allan mill-jum ta’ twelid tiegħu mitt sena qabel u kif kellu sehem importanti fi ġrajjiet ta’ importanza kbira. Għalkemm Allan ftit li xejn kienu jinteressawh il-politika u r-reliġjon, iża fil-ħajja mimlija avventuri, nsiru nafu li fost oħrajn kellu sehem fl-invenzjoni tal-bomba atomika, li ltaqa’ mal-Presdenti tal-Amerika u r-Russja kif ukoll għamel ħbieb ma’ persuni li ħallew timbru fl-istorja tad-Dinja tas-Seklu Għoxrin. Kienu mitt sena ta’ avventuri tal-ġenn u issa li Allan kien jinsab ħieles, x’sejjer jagħmel fl-avventuri li sab ruħhu fihom? Film Żvediż, id-djalogu bil-lingwa Żvediża, b’sottotitoli bl-Ingliz u d-dokumentarju bl-Ingliz, illaqgħana ma’ Allan Karlsson, bniedem ta’ mitt sena, mimli għomor f’avventuri li jsib ruħhu fihom wara li ħarab minn sptar għall-kura tal-anzjani. Msejjes fuq novella miktuba minn Jonas Jonasson sabet suq tajjeb kemm fl-Iżveżja kif ukoll fit-38 pajjiż. Il-film barra l-mumenti divertenti jurina l-karattru ta’ Allan li għalkemm għalaq mitt sena, iżda baqa’ fuq tiegħu, lest għal kull avventura. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.