• *****

    Direttur: Peter Jackson
    Atturi: Martin Freeman, Ian McKellen, Richard Armitage, Evangeline Lilly, Lee Pace, Luke Evans, Benedict Cumberbatch, James Nesbitt u Cate Blanchett
    Ħin tal-Film: 144 min.
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12A

     Wara li rrnexxielhom jieħdu lura pajjizhom mid-Dragun Smaug, Bilbo Baggins u t-tlettax in-nanu taħt it-tmexxija ta’ Thorin Oakshield,  bla ma riedu,  jqajmu forza qawwija kontra belthom: Laketown. Id-Dragun Smaug jagħmel qerda għal kollox mill-belt li mhux biss ħafna nies kellhom jaħarbu mill-qerda, iżda ħafna sfaw vittma.  Sadanittant, Thorin ossessjonat mit-teżor li kien reġa’ ġie f’idejhom, kien lest li jiċċaħħad mill-ħbiberija  ta’ kulħadd għalkemm Bilbo għamel minn kollox biex jipperswadih li ma jkomplix jaġġixxi hekk.  Il-falliment li Bilbo ħass,  ġabu f’qagħda li kellu jagħżel, għażliet li kienu diffiċli u perikolużi ħafna. Barra din il-problema  u li ħadd ma kien intebaħ biha, barra s-Saħħar Gandalf, Sauron, għadu kbir,  bagħat b’segretetezza kbira leġjuni ta’ Orcs, f’attakk  fuq Lonely Mountain. Hekk kif jinfirex id-dlam u l-konflitt ikompli jiskala, in-Nani, l-Ghafriti u l-Bnedmin kellhom jaraw kif jagħmlu u jingħaqdu biex joffru reżistenza kontra għadu qawwi ħafna jew kienu f’qagħda li jinqerdu għal kollox. Bilbo jsib ruħhu jiġġieled mhux biss għal ħajtu, iżda wkoll għal dik ta’ ħbiebu f’battalja epika magħrufa  bħala dik ta’ Hames Armati. Il-futur kien jinsab fil-bilanċ. X’jiġri minn hawn?

    Film epiku,  ta’ fantasija u avventura, it-tielet u l-aħħar wieħed minn sensiela msejjes fuq in-novella ta’ J. R.R. Tolkien li nkitbet fis-sena 1937 bit-titlu: The Hobbit.  Dan it-tielet film isegwi t-tieni wieħed: The Hobbit: The Desolation of Smaug,  li ħareġ is-sena l-oħra u għalhekk iġib fit-tmiem, l-avventuri ta’ Bilbo Baggins  u l-kumpanija ta’ tlettax- il nanu taħt it-tmexxjia ta’ Thorin Oakenshield.  Film maħdum b’sengħa kbira u mimli avventuri li jħalluk bla nifs u fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Il-film jistgħu jarawh dawk li għalqu t-tnax -il sena u fuqhom, iżda persuni ta’ eta` iżgħar minn tnax -il sena, jistgħu jarawh jekk ikunu akkompanjati minn xi adult. Ċerti xeni vjolenti u tal-biza` jistgħu jimpressjonaw liż-żgħar.