****

Direttur:          Bill Condon

Atturi:              Helen Mirren, Ian McKellen, Russell Tovey, Jim Carter, Mark Lewis, Celine Buckens u Laurie Davidson

Ħin tal-Film:    110 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

Roy Courtnay brikkun mill-kbar, kien jixmoq il-flus  minn fuq dahar ħaddieħor meta dawn kienu jiġu ngannati u jagħtuh aċċess għall-finanzi tagħhom. Dan kien jagħmlu flimkien ma’ Vincent, sieħeb tiegħu li kien jagħmilha ta’ accountant tiegħu.

L-aħħar mira li kellu dan l-aħħar kienet Betty McLeish, fl-imgħoddi kienet għalliema tal-istorja ġewwa Oxford. Betty kienet tilfet ir-raġel tagħha sena qabel u kellha mfaddlin madwar żewg miljun lira Sterlina. Meta bdiet il-kuntatt miegħu permezz ta’ chatting fuq il-kompjuter, wara ftit żmien ftehmu li jiltaqgħu fuq  kikkra te’. Ma damux ma saru ħbieb tal-qalb. Betty wara ftit taż-żmien jiltaqgħu, stqarritlu li hi kienet tbati minn serje ta’ attakki ta’ puplesija u li setgħu f’qasir żmien iwassluha għal mewt.  Roy jirnexxilu jimmanipula lil Betty biex jibda jgħix magħha bl-iskuża tal-kundizzjoni f’saħħitha. Ma damx ukoll ma pperswadiha biex tiftaħ kont bankarju flimkien miegħu billi ipperswadiha li hemm ċans li tkabbar il-kapital li kellha.  Dan għamlu bil-ħsieb li hu jieħu l-flus kollha tagħha f’ħajjitha jew wara mewtha.

Waqt vaganza fl-Ewropa flimkien, il-pjan tiegħu deher li kien sejjer jisfaxxa meta n-nepuiti tagħha, Steven, irrivelalha li ‘Roy Courtnay’ kien miet fl-1948 meta dan kien qiegħed jimxi wara l-passi ta’ ex-Nażista. Roy iżda meta Betty ikkonfrontatu, spjegalha li attwalmet hu kien Hans Taub, is-suldat Ġermaniż li kien qiegħed jakkumpanja lil Roy meta dawn marru biex jarrestaw lin-Nażiżta. Roy stqarr  li ħa l-identità bħala Roy Courtnay biex hekk ikun jista’ joħroġ mill-Ġermanja u  jibda ħajja ġdida b’dak l-isem. Betty dehret li aċċettat l-ispjegazzjoni li Roy taha. 

It-trasferiment tal-kapital li kellha Betty ġie ttrasferit u nagħqad  ma’ dak ta’ Roy u dan sar quddiem Vincent, is-sieħeb tieghu. Issa li Roy ġab dak li xtaq, ftit jiem wara ġab skuża li kellu jallarga għal xi jiem. B’xorti ħażina għalih, ħalla il-basket sakemm mar fil-kċina. X’ġara minn hawn u kif Roy ġie moqli b’żejtu stess?  Lestu ruħkom għal sorpriża kbira li qatt ma kontu tobsru ser tiġri!

Film eċitanti ħafna taħt id-direzzjoni ta’ Bill Condon u kitba ta’ Jeffrey Hatcher. Hu veru każ ta’ kif jgħid il-Malti li l-gideb għomru qasir u li l-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser. Minħabba t-tema tad-dramm fejn tidħol vendetta, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax -il sena.