-
-
*
Direttur: Jay Chandrasekhar
Atturi: Jay Chandrasekhar, Kevin Heffernan, Steve Lemme, Paul Soter, Eric Stolhanske, Rob Lowe u Brian Cox
Ħin tal-Film: 100 min
Maħruġ minn KRS Relesing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Il-ħames troopers li ltqajna maghhom sbatax-il sena ilu, illum insibuhom barra minn Spurbury Police Department wara li kienu responsabbli għall-mewt ta’ Fred Savage waqt ċajta li rriżultat fil-mewt tiegħu. Farva jibda jaħdem fil-kostruzzjoni ta’ djar u miegħu hemm Mac u Rabbit. Thorny, min-naħa l-oħra, jaħdem fl-industrija tal-qtugħ tas-siġar. Foster jinsab jgħix mal-ħabiba tiegħu, l-Kaptan Ursula Hanson, li darba kien jaħdem magħha.
Jum wieħed, Mac jirċievi telefonata mingħand il-Kaptan O’Hanson biex jerġa’ jiġbor il-grupp għal ġita fuq il-baħar ġewwa l-Kanada. Meta jaslu, l-grupp isir jaf li l-ħsieb ta’ O’Hagan kien li llaqqagħhom ma’ Jessman, il-Gvernatur ta’ Vermont, li tispjegalhom li l-aħħar servej tal-art madwar Vermont fil-Kanada kien juri li biċċa sewwa ta’ art kienet sejra tgħaddi lill-Istat Amerikan. Il-Gvernatur Jessman ħasset il-bżonn li twaqqaf dipartiment tal-pulizija Amerikana biex meta jasal il-waqt, ikun jista’ jieħu f’idejħ it-tmexxija minn idejn ir-Royal Canadian Mounted Police. Jefferson toffri lill-grupp li jerġgħu jsiru mill-ġdid State Troopers għal dan iż-żmien ta’ bidla, b’wegħda li jekk jaħdmu bil-għaqal jingħatalhom ix-xogħol permanenti.
Waqt riċeviment, it-Troopers jiltaqgħu mas-sindku tal-belt, Guy Le Franc u l-attaché kulturali, Genevieve Aubois. Sfortunatament, l-Amerikani xejn ma jirċievu merbħa tajba. In-nies tal-belt jixtiequ jibqgħu Kanadiżi. L-għada, Foster u Mac flimkien mal-Kaptan O’Hagan, jakkumpanjaw lil Mounties, Archambault, Bellefuile u Podien biex isiru jafu n-nies tal-post iżda għal darb’oħra, t-tlieta jiġu attakkati meta jżuru strip klabb immexxi minn Le Franc. Sadanittant, Thorny u Rabbit waqt li kienu qed jbiddlu s-sinjali tat-traffiku, jiltaqgħu ma’ numru ta’ tfal li dehru li kienu taħt l-influwenza tad-droga. Thorny u Rabbit bl-għajnuna ta’ dawn it-tfal, ġewwa dar abbandunata, jsibu kwantità kbira ta’ pilloli kif ukoll telefoni ċellulari. Farva u Mac ukoll jiltaqgħu ma’ ħażna oħra ta’ telefoni ċellulari u droga. Sadanittant, il-Red Mounted Police jilgħabu ċajta goffa lit-Troopers u dawn min-naħa tagħhom ippattuhilhom bil-kbir. X’kien qiegħed jiġri sewwasew u min kien wara dawn il-ħażniet ta’ droga, telefoni ċellulari kif ukoll armi awtomatiċi? X’kien il-ħsieb wara dawn il-ħażniet?
Film Amerikan, kummiedja u li jkompli fuq il-film li ħareġ fl-2002 bl-isem ta’ Super Troopers. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Jay Chandrasekhar. Minħabba xi vjolenza, kontenut qawwi ta’ ċajt sesswali kif ukoll użu ta’ droga, kliem goff u doppju sens, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.