-
-
****
Direttur: Saul Dibb
Atturi: Margot Robbie, Michelle Williams, Matthias Schoenaerts
Ħin: 107 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 15
Fl-1940 bdiet l-okkupazzjoni Ġermaniża ta’ Franza fi żmien it-Tieni Gwerra. Lucile Angellier, mara żgħażugħa ħelwa, tkun qedha tgħix ħajja mdejqa mal-kunjata tagħha li kienet tikkontrollha; huma jogħqodu f’belt żgħira u t-tnejn li huma jkunu qed jistennew xi aħbar dwar ir-raġel ta’ Lucile li kien safa’ priġunier tal-gwerra. Fil-belt tagħhom jibdew jaslu refuġjati minn Pariġi, u ftit wara jasal ukoll reġiment ta’ suldati ġermaniżi li jmorru joqgħodu fid-djar tan-nies. Fid-dar ta’ Lucile jmur joqgħod Bruno von Falk, uffiċċjal ħelu u rfinat ġermaniż. Għall-ewwel Lucile tipprova tinjorah, imma wara ftit taż-żmien tinbet imħabba qawwija bejniethom li twassalhom fit-traġedja tal-gwerra.
Film drammatiku, romantiku u tal-gwerra, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Irene Nemirovsky li kitbitu fl-1942. Film interessanti u sabieħ li għandu l-vantaġġ li Nemirovsky kienet qedha tikteb waqt il-gwerra stess u għalhekk għandu perspettiva oriġinali u differenti mill-films l-oħra tal-gwerra. Fih xeni ta’ vjolenza, sesswalita’ u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.
-
-