• ***

    Direttur: John Carney
    Atturi: Lucy Boynton, Maria Doyle Kennedy, Aidan Gillen, Jack Reynor, Kelly Thornton u Ferdia Walsh-Peelo
    Ħin tal-Film: 105 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
                                                                                                       
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:  12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
     
    Il-familja Lalor li tgħix ġewwa Dublin fir-Repubblika Irlandiża, tinsab għaddejja minn żmien diffiċli ħafna. Is-sena hi l-1985, meta l-Irlanda kienet f’qagħda ekonomika diżastruża b’riżultat li missier Robert, perit, mhux biss kien naqaslu x-xogħol iżda wkoll kellu problema fiż-żwieġ.  F’laqgħa li sejjaħ għall-membri tal-familja tiegħu ħabbar li  ħass il-bżonn li t-tifel iż-żgħir Connor, kien hemm bżonn li jbiddel l-iskola, minn waħda bi ħlas għal waħda tal-istat, bla ħlas, immexxija mill-Christian Brothers. Brendan, it-tifel il-kbir, xejn ma ħa pjaċir u kkritika bl-aħrax din id-deċiżjoni kif ukoll l-istat li fiha kienet tinsab il-familja. Connor ma jdumx ma jkollu jiġi wiċċ imb’wiċċ mal-bully tal-iskola li min-naħa tiegħu jintroduċih għal Darren. Connor xtaq ħafna li jwaqqaf  banda u bil-għajnuna ta’ Darren jibda jiġbor numru ta’ studenti biex jieħdu sehem f’din l-avventura, fosthom Eamon, li kien kapaċi jdoqq kull strument. Darren ukoll kellu l-impenn li jiġbed vidjo tal-kanzunetti li kienu ddoqqu, b’Connor bħala l-kantant tal-grupp. Biex il-vidjo ikun iktar attraenti, Connor jipperswadi lil Raphina, tfajla ħelwa, b’talent, biex tidħol magħhom bħala mudella għal waqt il-filmati. Għall-bidu bdew idoqqu numru ta’ kanzunetti magħrufa fi snin tmenin, iżda ħuħ Brendan jinkorraġġih biex ikun iktar oriġinali u jibdew joħolqu kanzunetti huma stess. X’jiġri minn hawn?  Tgħid il-grupp imwaqqaf minn Connor ikompli fit-triq li beda u jiksbu suċċess?  Kif tkompli tiżvilluppa r-relazzjoni bejn Conor u Raphina?   
    Film Irlandiż taħt id-direzzjoni u l-kitba ta’ John Carney, illaqqana ma’ Connor, student  b’talent mużikali li wara li jibdel l-iskola, bl-għajnuna ta’ Darren, student ieħor, jwaqqaf grupp mużikali li jibda jikseb suċċess wara l-ieħor.  Joħroġ tajjeb x’effett negattiv kellha r-reċenzjoni ġewwa l-Irlanda fil-bidu tas-snin tmenin l-aktar gewwa familji ta’ klassi medja. Ma jonqos li fil-film tingħata stampa negattiva fuq it-tmexxija tal-iskola, mmexxija mill-Christian Brothers. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax–il sena.