-
-
****
Direttur: Brad Peyton
Atturi: Dwayne Johnson, Carla Gugino, Alexandra Daddario, Ioan Gruffudd, Archie Panjabi u Paul Giamatti
Ħin tal-Film: 114 min
Klassifika taċ-Ċensura: 12A
Klassifika tal-Knisja: 12
Dak li hu magħruf bħala The San Andreas Fault, jinsab f’żona fejn hemm kull possibilta` li ċ-ċaqliq ta’ żewg blokkok massivi teċtoniċi, meta jitħarrku, jikkawżaw terremot qawwi li jġib ħerba fuq il-pajjiż b’riżultat li mhux biss jiġġarfu binjiet kbar iżda wkoll jikkawżaw sunami ta’ qawwa kbira li jkompli jkaxxkar dak kollu li jsib quddiemu. Il-film San Andreas jgħaddina minn esperjenza ta’x’jista’ jiġri jekk din il-qasma fil-blat fil-futur qarib, tiċċaqlaq. Fil-film nassistu għal d-diżastru li jonħoloq meta dan jibda jseħħ. Din il-qasma hi twila madwar 800 mil u taqsam l-Istat ta’ Kalifornia, minn Los Angeles sa San Francisco. Ftit li xejn hemm ħjiel fejn huma l-postijiet l-iktar posibbli li jsir dan iċ-ċaqliq, għalkemm kontinwament isir studju u xjentisti jimmonitarjaw kull ċaqliqa. Wieħed minn dawn il-postjiet li ftit li xejn kienu magħrufa għal din il-possibilta` kien appuntu fejn kien hemm diga kbira: Hoover Dam ġewwa Nevada. Wara terremot qawwi li laqat l-inħawi u kellu effett kbir ġewwa Kalifornia, Chief Ray Gaines, li x-xoghol tiegħu hu mad-Dipartiment ta’ Tifi tan-Nar u ġeneralment ikun fuq ħelikopter biex jagħmel dan ix-xogħol perikoluż, isib ruħhu mhux biss qalb dan it-terremot qawwi iżda bi problema serja li kien qiegħed jiġi wiċċ imbwiċċ magħha minħabba li martu Emma għamlet talba għad-divorżju. It-tifla tagħhom Blake wkoll wasal iż-żmien li tmur San Francisco biex tibda l-kulleġġ hemm. Blake ħadet l-opportunita` li tmur mal-maħbub ġdid ta’ ommha fuq l-ajruplan personali tiegħu. B’xorti tajba Ray isalva lill-martu minn mewta ċerta meta drammatikament u b’ħila kbira jsalvah bil-ħelikopter. It-tnejn li issa jinsabu flimkien, jinsabu mħasbin ta’ seta’ ġara mit-tifla tagħhom li issa kienet tinsab f’San Francisco. Skond it-tbassir ta’ xjentisti, terremot qawwi kien sejjer jolqot lil dik il-belt. X’sejrin jagħmlu biex jgħinu lit-tifla tagħhom li kienet sejra ssib ruħha f’dik il-qagħda tal-biża`? Kienet sejra tkun tiġrija kontra l-ħin!
Film mimli tensjoni u azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Brad Peyton jurina biċ-ċar ta’ x’jista’ jiġri fil-punent tal-Amerika jekk San Adreas Fault jagħmel moviment li jkun ifisser qerda kbira għal tant bliet f’dawk l-istati. Minħabba d-diżastri li nassistu għalhom li ma jieqfu xejn u li jġibu magħhom tiġrif ta’ bini u mwiet ta’ bosta nies, kif ukoll kliem goff, ikun jaqbel li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax -il sena.