-
-
***
Direttur: Otto Bathurst
Atturi: Taron Egerton, Jamie Foxx, Ben Mendelsohn, Eve Hewson, Jamie Dorman, Tim Minchin, Paul Anderson F. Murray Abraham, Ian Peck u Cornelius Booth
Ħin tal-Film: 115 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Robin, Lord of Loxley, jingħaqad mat-Tielet Kruċjata Nisranija, jitqabad kontra l-Mislem f’battalji ħorox fl-Art Imqaddsa. F’waħda minn dawn il-battalji, numru ta’ priġunieri misilmin jinqabdu. Il-kap kmandnat jordna l-qtugħ ir-ras ta’ kull priġunier. Robin xejn ma jaqbel ma’ din id-deċiżjoni barbara. Meta pprova juri ħniena biex ma jsirx hekk mat-tifel ta’ Yahya, wieħed mill-kapijiet musulmani, tinqala’ konfużjoni tant li ħafna mill-priġunieri jaħarbu fosthom Yahya li jirnexxielu jsib ruħu fuq bastiment sejjer lejn l-Ingilterra. Robin ukoll jitlaq lejn pajjiżu f’Nottingham.
Kif jasal, isib li r-residenza tiegħu mġarrfa. Ix-Xerrif ta’ Nottingham mhux biss kien ġarraf ir-residenza iżda seraq dak kollu li kien ta’ siewi biex ikompli jżid mal-ġid li ġa kellu, ġid li kien qiegħed jieħu minn ħalq l-fqar tal-belt ta’ Nottingham. Ix-Xerrif ukoll, sentejn qabel kien ħabbar li Robin kien inqatel waqt il-ġlied. Robin isir jaf dan minn għand Marian, il-maħbuba tiegħu li kienet ġiet biex tisraq żiemel mill-istalel tiegħu.
Sadanittant, hu jiltaqa’ ma’ Yahya li kien biddel ismu għal John. Flimkien miegħu, Robin, wara li jitħarreġ sew minn John kif jispara vleġeg b’aktar veloċità, jippjanaw kif sejrin jisirqu lix-Xerrif mill-ġid li kien geddes fuq skuża li l-Knisja għandha bżonn ta’ finanzi biex tkompli tiġġieled il-Mislem. Robin jagħmel dan biex jivvendika ruħu mix-Xerrif għax mhux biss seraqlu l-prorpjetà kollha tiegħu, iżda fuq kollox tilef lil Marian li issa saret il-maħbuba ta’ Will Tillman.
Robin flimkien ma’ John jibdew sensiela ta’ serqiet tal-ġid li x-Xerrif kien jisraq kuljum mill-fqar u li kien jagħmlu taħt il-patruċinju ta’ Kardinal minn Ruma. Patri Tuck jgħin lil Robin f’din il-missjoni l-aktar meta Robin, ħass il-bżonn li jirbaħ il-fiduċja tax-Xerrif biex ma jqajjimx suspetti fuqu. F’dan it-taħwid kollu, Robin, John u Tuck isiru jafu bi pjan djaboliku li x-Xerrif u l-Kardinal kienu qegħdin jippjanaw kontra l-pajjiż, ir-raġuni li għaliha, l-Kardinal kien ġie apposta minn Ruma biex jikkonkludi dan il-ftehim. X’isir minn hawn?
Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Otto Bathurst u kitba ta’ Ben Chandler u David James Kelly. Minħabba li l-Knisja tiġi ppreżentata b’mod aħrax ħafna, kif ukoll vjolenza mdemmija u kliem baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.