• ****

    Direttur: Kevin Reynolds

    Atturi: Joseph Fiennes, Tom Felton, Peter Firth, Cliff Curtis, Maria Botto, Luis Callejo Antonio Gill, Stewart Scudamore u Jose Manjon
    Ħin tal-Film: 107 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12
     

    Il-Film RISEN  hu l-istorja bibblika tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, hekk kif irrakkontata minn persuna bla twemmin, Clavius, tribun Ruman militari ta’ poter li taħt l-għamar ta’ Ponzju Pilatu jiġi mitlub isib il-katavru, biex ixxejjen ix-xniegħa li l-Messija kien irxoxta. Clavius kien suldat Ruman professjonali u ra ħafna battalji f’ħajtu fosthom dik li jagħti bidu fil-film meta xejjen ir-ribelli żeloti Lhud u bla ħniena qeridhom kollha f’battalja mdemmija. Meta Clavius jinserta qrib il-post fejn kien imsallab Ġesu’ ta’ Nazzaret, ftit li xejn ix-xena ħalliet impressjoni fuqu. Kellu jkun l-għamar ta’ Pilatu, il-Gvernatur Ruman fil-Ġudea li wara insistenza min-naħa tas-Sanedrin iġiegħel  lill-Clavius flimkien mas-suldati Rumani, jissiġillaw il-qabar fejn Ġesu’ ġie midfun minn Ġużeppi minn Arimateja. Kollox kellu jinbidel għal Clavius meta jsir jaf li tliet tijiem mid-difna, il-ġisem ma nstabx u li s-siġilli nstabu mqaċċta’ b’mod misterjuż. Dan l-avveniment straordinarju  qajjem biża’ kbir fil-mexxejja Lhud fosthom Kajfas,  li wara li xaħħam lis-suldati Rumani biex jgħidu li kienu ġew is-seġwaċi tieghu u serquh , ried li Pilatu jara kif jagħmel u akkost ta’ kollox isib il-ġisem misruq. Għal din il-missjoni, Pilatu jafda f’idejn Clavius, mgħejjun minn Lucius. Clavius bla dewmien jibda l-investigazzjoni u jsib li kien hemm xi ħaġa misterjuża ta’ kif il-ħbula u s-siġilli kienu mqattgħin.  X’kien ġara eżattament? Biex isir jaf il-verita’,  Clavius ‘jarresta’ lil Marija ta’ Magdala li sar jaf li kienet midħla sew tan-Nazzarenu. L-investigazzjoni iżda ma twassal imkien anke meta jsib is-segwaċi tan-Nazzarenu, l-appostli. X’jiġri minn hawn? Kif tibda taffetwa lil Clavius li bil-mod il-mod jibda jintebaħ li kien hemm misterju f’dak li ġara u li tabilħaqq  li seta’ kien hemm fenominu li mhux ta’ kemm wieħed jemmnu malajr. Tgħid Clavius jara l-possiblita’ u jibda jemmen li l-Messija kien qam tabilħaqq mill-imwiet?
    Film bibliku msejjes fuq dak li ġara wara l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, irrakkontat minn Clavius, fil-qabar fejn kien indifen. Storja interessanti li għandha togħġob lil ħafna, maħdum b’sengħa kbira u serjeta’. Minħabba li fil-film hemm xi xeni vjolenti li jistgħu jinfluwenzaw lit-tfal, ikun  tajjeb li l-film jarawh dawk  li għalqu t-tnax –il sena. Il-film ta min jirrakkomandah speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena.