DISKORS TAL-ARĊISQOF WAQT IL-PONTIFIKAL TA’ JUM IT-TIFKIRA – 8 ta’ Novembru, 2009

Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Aħna llum ġejna hawnhekk bħala komunita’ nisranija biex niċċelebraw lill-Mulej Ġesu’ f’offerta li hu għamel lil Alla l-Missier minn fuq is-Salib: “F’idejk, Missier, jien nerħi ruħi” (Lq 23,46). Illum f’att ta’ mħabba u rikonoxximent qegħdin infakkru t-tbatija u l-mewt tiegħu fid-dawl ta’ dawk kollha li b’sagrifiċċju ta’ ħajjithom, mietu fiż-żewġ Gwerer Dinjin. Aħna qegħdin hawn biex f’att ieħor ta’ imħabba u tama, nitolbu għal dawk li mietu f’dawn il-gwerer. Se nitolbu biex, magħqudin mal-mewt ta’ Ġesu’, li wasslet għall-Qawmien tiegħu, bit-talb tagħna għalihom aħna ngħaqqdu l-mewt tagħhom mal-Qawmien tal-Mulej Ġesu’. B’hekk, huma wkoll jkunu mal-Mulej għal dejjem fil-Qawmien għall-ħajja ta’ dejjem.

Naħseb li ħafna minna qraw l-istorja ta’ dawn iż-żewġ Gwerer dinjin. Qrajna fuq il-kuntest politiku u ideoloġiku tagħhom; qrajna fuq il-politiċi u l-ġenerali li baqgħu jissemmew; qrajna fuq il-gwerer l-iktar importanti fejn armata jew qawwa navali jew qawwa tal-ajru ħaditha kontra qawwa oħra, fuq l-istrateġiji militari tagħhom; qrajna fuq l-istatistika tal-gwerer – kemm miljuni mietu, kemm ġew midrubin, suldati u ċivili. Dak huwa l-mod kif aħna l-bnedmin inħarsu lejn ir-realta’.

Iżda aħna niġu hawnhekk mhux biss biex nitolbu għal dawn l-aħwa tagħna, iżda ukoll biex inħarsu lejn dawk il-ġrajjiet mill-għajnejn tal-Fidi,  mid-dawl li tana l-Mulej.

L-EVANĠELJU

Fil-Vanġelu ta’ llum (Mk 12, 38-44), Sidna Ġesu’ Kristu jurina, fil-ġrajja ta’ din l-armla fqira, kif Alla jħares lejn ir-realta’ tagħna l-bnedmin. Il-ġrajja fil-Vanġelu ddur madwar waħda armla fqira. Hija tmur fit-tempju u tagħti biċċa żgħira ta’ flus, li kienet l-aħħar biċċa flus li kellha. Ġesu’ joħroġ it-tagħlim lid-dixxipli tiegħu minn din il-ġrajja biex jidħlu fl-Ispirtu ta’ kif Alla l-Missier iħares lejna u lejn l-istorja tagħna.

Fil-ġrajja Ġesu’ sab lilu nnifsu mdawwar min diversi kittieba. Dawn kienu nies esperti tal-Liġi Ġudajka. Kienu important fit-tessut reliġjuż u ċivili tal-pajjiż. U dan kollu kienu jafuh, u kienu jippretendu li dan kollu jkun rikonoxxut mill-oħrajn ukoll. F’daqqa waħda isibu lil xi ħadd li qiegħed jagħti importanza lil waħda fqira, armla. Ġesu’ jitfa’ l-attenzjoni tiegħu fuqha u jdawwar wiċċu minn dak li jleqq. Meta beda jitkellem fuqha, anki l-attenzjoni tad-dixxipli daru fuqha, u meta tiffoka fuq persuna tibda tagħtiha iktar importanza, ma tibqax anonima.

Ġesu’ f’din il-ġrajja juri li jħobb anki lill-kittieba għax jiftħilhom għajnejhom fuq il-veru valur tal-poter u qawwa li tingħata f’idejn il-bnedmin. Ġesu’ jgħid lilhom, u lilna, li kull poter huwa responsabbilta’ li rridu nġorru quddiem Alla: “Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”. Huwa jfakkar lilhom u lilna, fuq ir-responsabbilta’ interna tagħna fil-kuxjenza tagħna quddiem Alla li rridu dejjem iktar niskopru.

Nissoponi li qabel,  l-attenzjoni tagħhom kienet kollha ċċentrata fuq x’inhuma lebsin il-kittieba biex juru dak li huma jaħsbu fuqhom infushom u dak li jippretendu li l-oħrajn jagħarfu fihom. Meta beda jitkellem fuq l-armla, Ġesu’ ma setax jitkellem fuq dak li jidher fiha, x’inhi liebsa, iżda fuq dak li hemm ġewwa fiha: min hi verament.

Din l-ewwel kunsiderazzjoni ta’ Ġesu’ twassalna biex immur lilhinn mill-kittieba tal-istorja taż-żewġ gwerer dinjin, li x’aktarx ikkonċentraw iktar fuq dawk li kellhom il-poter, li kienu jintgħarfu minn dak li jilbsu. Ġesu’ jirrispetta lil dawn ukoll iżda kien jaf li bħala bnedmin, aħna nagħarfu lil dawn.

Iżda Ġesu’ kien jaf li għandna bżonn l-għajnuna biex niftakru f’dawk li l-ilbies tagħhom ma jleqqx, li qatt ma kienu fl-ewwel postijiet. Dan igħinna biex nippruvaw nimmaġinaw kif għexu l-ġrajjiet il-persuni li kienu f’nofs dawn il-gwerer u li huma mitlufin fl-istatistiċi. Waqt il-Gwerer ma kienx hemm statistika, iżda persuni. Huma miljuni ta’ ‘jien’. F’dak il-mument tal-mewt tagħhom ġew meqrudin, mal-individwu, dawk l-esperjenzi kollha ta’ ferħ u ta’ niket li kienu waslu biex ikun dak li kien f’dak il-mument. F’daqqa waħda dak kollu ġie meqrud. Hekk ġara fil-mewt ta’ kull persuna li mietu f’dawn iż-żewġ gwerer dinjin.

L-istess eżistenza ta’ Ġesu’ bħala ‘Alla-Bniedem’ u l-imħabba tiegħu kienet tintwera f’sensitivita’ kbira quddiem il-bniedem li jkun qiegħed ibati. Spjega lid-dixxipli tiegħu li l-armla “fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”. Ġesu’ ried jurihom li lilhinn mill-biċċa flus hija għaddiet minn konflitt intern, u l-flus ħadu valur anki minn dan il-konflitt intern. Minn jaf il-biża’ li għaddiet minna fuq x’se jiġri minnha, meta tagħti dik il-biċċa żgħira ta’ flus li kellha, u li kienet tagħtiha ftit sigurta’, għallinqas għall-ikla li ġejja.  Dan kollu jfakkarna x’għadda minn dawk li kienu fil-front tal-gwerra, il-beżgħat tagħhom, is-sens ta’ telfa fuq dawk li jistgħu jħallu warajhhom.  Ġesu’ jurina dak li mhux dejjem nifhmu fl-istatistiċi: mhux il-prezz li jidher, li kien dak biss li kienu jikkunsidraw il-kittieba, iżda l-valur ta’ min qiegħed jagħti u ta’ dak li qiegħed jagħti. Fil-każ tal-gwerer dan kien il-kollox: il-possibbilta’ li jkollhom jagħtu l-ħajja tagħhom fil-kamp tal-gwerra.

U dan id-dramm uman jgħaqqad flimkien lil dawk li kienu fuq il-parti tar-rebbieħa iżda wkoll lil dawk li kienu fuq in-naħa ta’ min tilef il-gwerra. Għalkemm fuq naħat differenti fil-gwerra, kienu lkoll naħa waħda fid-dramm uman ta’ kull min kien qiegħed jiġġieled dawk il-gwerer. Huwa d-dramm ta’ kull tbatija umana li m’għandhiex titneħħa minħabba l-kunsiderazzjonijiet politiċi jew ideoloġiċi li kultant jeqirdu dan is-sens, iżda mill-fattur uman quddiem din it-tbatija li tgħaqqad lilna u lilhom ilkoll flimkien. Dik hija l-kunsiderazzjoni kristjana li tana Ġesu’ biex jgħinna nifhmu il-vera realta’ umana tal-ġrajja umana.

KONKLUŻJONI

Il-veru riflessjoni tagħna llum nixtiequ li tkun mhux fuq il-glorja ta’ rebħa ta’ gwerra iżda fil-glorja ta’ dawk li taw ħajjithom għal skop li kienu jemmnu fih. Fid-dawl ta’ din il-ġrajja tal-Vanġelu, dawk il-miljuni li forsi jkunu moħbijin minn għajnejna taħt l-anonimita’ tal-istatistiċi, issa nagħarfu li l-għotja ta’ kull wieħed u waħda minnhom, kienu magħrufin f’għajnejn Alla il-Missier. U dan jakkwista valur li jmur lilhinn mil-mument u l-ispazju u jieħu valur etern, bħalma kienet l-offerta ta’ dik l-armla. .

Illum it-tifkira tagħna trid tkun bilfors a bażi ta’ massa, ta’ numri li fih jintilfu dawn ir-realtajiet kollha. Iżda l-Fidi tagħna tħeġġiġna li nħarsu bl-għajnejn ta’ Ġesu.

Anki llum, rridu niftakru li hemm żewġ mumenti fejn in-numri, l-istatistika terġa’ ssir personali, individwali.

Fil-mument tal-aħbar tal-mewt ta’ xi ħadd maħbub l-istatistiċi jerġgħu jsiru individwi, fil-kuntest tas-sogħba tal-familja ta’ dak li jkun miet. F’dak il-mument, ir-realta’ individwali terġa’ tidher f’dawk li kull persuna ħalliet warajha: fil-familji, il-maħbubin, il-ħbieb ta’ kull persuna li mietet. U s-sogħba issir personali, familjari, u l-istatistiċi jsiru is-somma ta’ dawn il-weġgħat individwali, mhux l-anonimita’. Aħna nixtiequ f’din il-Quddiesa ningħaqdu ma’ dawn kollha li anki llum qegħdin jiftakru fl-għeżież proprji tagħhom.

Fit-tieni lezzjoni ta’ llum, l-awtur  tal-Ittra lil Lhud jagħtina dawl ieħor fuq ir-realta’ ta’ dawk li jemmnu: “Kristu ma daħalx fis-Santwarju magħmul mill-bnedmin, iżda fis-sema, biex jidher għalina quddiem Alla”; “Hu miet darba u jerġa’ jidher darb’oħra mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li jistennewh bil-ħerqa” (Lhud 9,24-28).

Aħna nemmnu li l-anonimita’ tal-istatistiċi jinbidlu quddiem l-Eternita’: quddiem l-eternita’ dawk li qegħdin infakkru jerġgħu jieħdu id-dinjita’ personali, individwali, tagħhom quddiem Alla l-Imbierek. Il-Qawmien, fi Kristu, mhijiex la anonima u la mitlufa fin-numri. Huwa l-mument meta kull bniedem jidher fid-dinjita’ tiegħu quddiem Alla, bħala xbieha tiegħu, u bħala bin jew bint Alla.

Ħuti, aħna llum qegħdin niftakru. Illum huwa Jum it-Tifkira, Remembrance Day. Waħda mill-qawwiet li tana Alla l-Imbierek hija din il-qawwa li niftakru dak li ġara qabel. Iżda l-Mulej tana wkoll ir-raġuni biex nanalizzaw il-memorji, u nħalluhom jgħallmuna biex ngħixu l-preżent u nbiddlu l-ġejjieni. J’Alla minn kull sena għall-oħra, aħna nkunu nistgħu nitgħallmu mill-passat u ngħallmu lill-ġenerazzjoniljiet tal-ġejjieni mil-lezzjonijiet li aħna ħadna mill-istorja taż-żewġ Gwerer: il-valur ta’ kull persuna, il-mod kif inħarsu lejn il-valur u d-dinjita’ ta’ kull persuna, u viżjoni alternativa tal-ħajja li mhux ibbażata fuq il-qawwa jew it-kisba tal-poter, iżda fuq il-kisba tal-paċi.

Dawn is-sagrifiċċji kollha li fil-Gwerer jissarrfu f’mewt, jistgħu jkunu mibdula f’impenn li naslu għall-istess kisbiet permezz ta’ ħidma għall-paċi minflok ma nħalluhom jiddeġeneraw hekk li jwasslu għall-gwerer. Irridu nemmnu li l-istess kisbiet nistgħu nġibuhom fil-ħidma għall-Paċi u mhemmx bżonn il-gwerer. Dak qiegħed jgħidilna Ġesu’ llum u joffrilna bħala programm ta’ ħajja: “Ħenjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlid Alla” (Mt 5,9).