Xebħ
Il-Kelma tiegħek, Mulej,
hi l-preżenza
ta’ l-ispirtu ta’ aħwa,
lest biex jgħin
lil dawk imċaħħda
mid-dinjità u mill-ikel,
li jinsabu fl-ikbar miżerja!
Il-Kelma tiegħek, Mulej,
hi l-kompassjoni
li biha tfarraġ lil dawk
li għandhom il-futur imkisser
minħabba t-telfa
ta’ xi ħadd għażiż,
u t-toqol tas-sens ta’ ħtija.
Għejjew jitħabtu
biex jerġgħu jqajmu t-tama
quddiem din it-tbatija
li ma jifilħuhiex aktar!
U aħna, Mulej,
li nġorru Ismek,
kif nistgħu nitkellmu fid-dinja dwar imħabbtek
jekk ma nkunux preżenza ħajja
ta’ l-ispirtu ta’ aħwa
mimlijin kompassjoni u mħabba?
Kif nistgħu nitkellmu dwarek
jekk ma nkunux għotja
fil-ħajja tagħna?