-
R.I.P.D
-
***
Direttur: Robert Schwentke
Atturi: Jeff Bridges, Ryan Reynolds, Kevin Bacon, Mary-Louise Parker, Stephanie Szostak, James Hong, Marisa Miller u Devin Ratray
Ħin tal-film: 96 min.
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Id-detektivs Nick Walker u Bobby Hayes li kienu jaħdmu fid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Boston, jisirqu kaxxa mimlija deħeb waqt rejd li għamlu biex ikkissru ċirku ta’ kriminali mdaħħlin fid-droga. Nick jiddeċied li jidfen il-parti li kienet tmis lilu fil-bitħa ta’ wara d-dar biex b’hekk ikun jista’ jgħin lilu nnifsu u lill-martu Julia. Iżda wara ftit żmien, Nick jiddispjaċih li għamel hekk u jinforma lil Hayes, sieħbu, bid-deċiżjoni tiegħu. Waqt rejd fuq bejta ta’ kriminali, Nick u Hayes jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ ħafna sparer u waqt dan it-taħwid kollu Hayes joqtol lil Nick biex b’hekk ma jkunx jista’ jirritorna lura d-deħeb li kienu serqu. Hayes fl-istess waqt jiffremja wieħed mill-kriminali li wettaq dak id-delitt. Nick isib ruħhu n-naħa l-oħra, quddiem Mildred Proctor, id-Direttur tad- Dipartiment R.I.P.D. ta’ Boston, aġenzija li kienet tqabbad rekruti mejtin li darba kienu jservu bħala pulizija u issa li mietu kienu jiġu mqabdda biex jaqbdu lis-spirti ta’ “Deados” spirti ħżiena li ma rnexxielhomx jgħaddu għad-dinja l-oħra iżda baqgħu jiġġerrew bħala fantazmi monstruzi. Nick jiddeċiedi li jidħol fir-R.I.P.D. wara li jiġi mwiegħed li kien sejjer jiffranka ġuddizju negattiv għall-inqas għal mitt sena u anke li kien sejjer jkollu sieħeb ġdid, Roy Pulsipher , eks marixxall u li kien għex fis-snin 1800. X’jiġri hekk kif Roy u Nick jirritornaw lejn id-dinja. Hemm fid-dinja jinataw avatar, Nick isir raġel Ċiniż, Jerry Chen u Roy jieħu is-sura ta’ mara żgħażugħa u attraenti Russa, Opal Pavlnko. Minn hawn nassistu għall-avventuri interessanti li t-tnejn jiltaqgħu magħhom u jsiru jafu ċerti affarijiet li jħalluhom bla nifs fosthom li Hayes, dak li darba kien sieħbu, kellu identita’ oħra.
Film bi storja ħelwa u divertenti li għandha togħġob lil dawk li jħobbu dan it-tip ta’ films ta’ avventura. Minħabba vjolenza kif ukoll kliem baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu il-ħmistax –il sena.