-
-
***
Direttur: Babak Najafi
Atturi: Taraji P. Henson, Jahi di’Allo Winston , Billy Brown, Danny Glover, Neal McDonough, Xander Berkely, Margaret Avery u Rade Serbedzija
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Mary Goodwin, qattiela esperta, toqtol kiesaħ u biered raġel li kien għamel djun kbar fuq imħatri u li ma ħallashom qatt. Meta tisma’ ħsejjes f’kamra qrib, issib tfajjel jilgħab logħba vidjo u tintebaħ li kien iben ir-raġel li qatlet. Mary titlaq mill-appartament b’sens ta’ ħtija. Sena wara dan l-assassinju, it-tifel Danny kien jgħix u jaħdem għal bniedem kriminali, mlaqqam “Uncle”.
Mary kienet iżżomm għajnejha fuq it-tifel u tintebaħ li Danny kien qiegħed jiġi abbużat fiżikament minn “Uncle”. Meta sabitu mitluf minn sensieħ wara li xi ħadd jipprova jisirqu, Mary tieħu lit-tifel taħt il-ħarsien tagħha. Meta marret għand “Uncle” biex tagħtih dak li t-tifel kellu jroddlu, hi titolbu biex iħalli lit-tifel bil-kwiet. Iżda “Uncle” u sħabu jhedduha u tispiċċa li teliminahom kollha. Luka, ħu “Uncle” jagħmel żjara lil Benny u lil Tom u dawn jassigurawh li jekk kien xi hadd mill-gang tagħhom li wettaq id-delitt, kien sejjer jieħu dak li ħaqqu. Sadanittant, Mary tintalab minn Benny u Tom biex tellimina lil Walter, wieħed mill-gang tagħhom stess biex hekk jagħtu jaħseb lil Luka li kien hu li qatel lil “Uncle” u sħabu.
L-arranġament li daħlet fih Mary li tieħu ħsieb lil Danny, xejn ma niżel tajjeb ma’ Benny u ibnu Tom. Tħassbu mhux ftit li Mary meta eliminat lil “Uncle” u l-gang tiegħu u dan għamlitu mingħajr il-kunsens tagħhom, seta’ jkollu konsegwenzi koroħ b’ċans li tibda gwerra bejn il-gangs kriminali li kien ifisser diżastru għal kulħadd. Mary min-naħa tagħha kienet tassew dedikata u lesta għal kollox biex tħares lil Danny u xtaqet ħafna li taqta’ kull rabta li kellha kemm ma’ Benny, li kien hu stess li daħħalha fil-familja u Tom li darba kien l-eks maħbub tagħha. X’jiġri meta Tom jagħmel żjara fid-dar fejn kienet tgħix Mary u ssib lil Danny hemmhekk waħdu? X’jiġri waqt ikla f’għeluq snin il-mara ta’ Benny fejn Danny ikun hemm u jgħidilhom li hu kien minn Jamaica Plain. X’kienet timplika din għal Mary?
Film Amerikan, dramm mimli azzjoni taħt id-direzzjoni ta’ Babak Najafi u kitba ta’ John S. Newman u Christian Swegal. Minħabba tema ta’ vendetta, qtil vjolenti kif ukoll xena ta’ tortura u kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.