• ****

    Direttur: Dean Israelite

    Atturi:Dacre Montgomery, Naomi Scott, RJ Cyler, Becky G, Ludi Lin, Bill Hader, Bryan Cranston u Elizabeth Banks

    Ħin tal-Film:124 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Ħames żgħażagh jingħaqdu flimkien b’koinċidenza, biex iwettqu missjoni importanti li jsalvaw mhux biss belthom, f’Angel Grove,  iżda wkoll id-dinja kollha. Il-ħames żgħażagħ ma kienux jafu lil xulxin minn qabel.  Dawn kienu Jason Scott, futboler tajjeb, Billy Cranston, żagħżugħ antisoċjali u daqxejn stramb, Kimberly Hart, tfajla popolari ħafna, Zack, ġuvni mpulsiv u Trini Kwan, tfajla b’karattru kwiet u lesbjana. Kollox jibda hekk kif Jason isib ruħu taħt arrest id-dar wara li jkun għamel ħmerija fl-iskola u mkeċċi mit-tim tal-futbol, waqt li Kimberly, minnaħa tagħha,  spiċċat bla ħbieb meta ma tantx uriet interess fihom. Il-ħamsa li huma kienu jħossu ruħhom maqtugħajn mir-realta’.  L-avventura tibda hekk kif il-ħamsa li huma jsibu ruħhom flimkien f’barriera fejn jesploraw għad-deheb mill-blat. Wieħed minnhom jisplodi furnell u f’ dan l-inċident, il-ħamsa li huma jsibu ħames ġebliet kristalli jixxegħlu. Dawn iż-żgħażagħ ġew magħżulin biex isiru Power Rangers, membri ta’ ordni antika u dawk li kienu jsiru membri fiha jingħatalhom qawwiet speċjali. Din l-ordni kienet tmur lura għal madwar 65 miljun sena. Il-ħames żgħażagħ ma jdumux ma jidħlu fl-azzjoni u ż-żmien kien verament propizju għaliex Rita Repulsa, saħħara ħażina, tistenbaħ  mir-raqda tagħha wara tant snin u kienet idditerminata li teqred id-dinja bl-għajnuna ta’ mostru ġgantesk bl-isem ta’ Goldar. Hekk kif isibu ruħhom ġewwa għar kbir, hemm jiltaqgħu ma’ Zordon, robot li darba hu stess kien Ranger u l-assisstent tiegħu Alpha 5. Kien hemm il-ħtieġa li l-ħamsa li huma jitħarrġu għal l-missjoni li kienu ġew magħżulha għaliha, dik li jwaqqfu lil Repulsa milli twettaq il-ħsieb malin tagħha. It-taħriġ ma kienx faċli iżda maż-żmien il-ħamsa għaddew mill-eżami . Issa kien il-waqt li jibdew il-missjoni tagħhom. Tgħid jirnexxielhom iġibu fix-xejn lil Repulsa u  l-mostru ġgantesk?

    Film Amerikan, msejjes fuq il-grajjiet li ħames żgħażagħ jgħaddu minnhom hekk kif jintgħażlu bħala supereroj biex isalvaw id-dinja minn theddida serja minn aljeni taħt it-tmexxija tas-saħħara Rita Repulsa. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Dean Israelite u kitba ta’ John Gatins. Minhabba xi xeni tal-biża’, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.