-
-
****
Direttur: Chris Columbus
Atturi: Adam Sandler, Kevin James, Michelle Monaghan, Peter Dinklage, Josh Gad, Brian Cox, Ashley Benson u Jane Krakowski
Ħin tal-film: 105 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Fis-sajf ta’ l-1982, iż-żagħżugh Sam Brenner jidħol għal-kompettizzjoni mondjali f’logħba tal-vidjowgejms. Fl-istess żmien, in-NASA bagħtet kapsula fl-ispazju li fiha kien hemm elementi tal-kultura preżenti fid-dinja tagħna. Fil-waqt li Brenner u sieħbu Will Cooper jiltaqgħu ma’ Ludlow Lamonsoff, Brenner jirnexxielu jasal sal-final fejn jaffronta lil Eddie Plant. Sfortunatament Brenner jitlef. Iż-żmien igerbeb u Brenner jinsab jaħdem ma’ kumpanija li tinstalla softwer. Sieħbu, Cooper jinsab jokkupa l-Presidenza Amerikana. Sadanittant fil-Guam, f’bażi militari, waqt solverjanza, jirrealizzaw li kien hemm xi forma ta’ aljeni li dehru resqin lejn il-bażi. Fil-fatt dawn jattakkaw. Għalkemm is-suldati joffru reżistenza, l-għadu kien bil-wisq iktar b’saħħtu. Wieħed mis-suldati wkoll jittieħed mill-aljeni. Waqt li qed tiġri din il-ġrajja, Brenner jinsab jaħdem fid-dar ta’ Violet Van Patten, divorżjata, b’tifel Matty. Meta jismagħha tibki, Brenner jipprova jikkonslah u anke jipprova jbusha meta jirċievi telefonata minn għand Cooper mill-White House. Violet ukoll tirċievi telefonata. It-tnejn jaħarbu għal destinazzjoni li fil-fatt kienet għat-tnejn l-istess post: il-White House. Brenner isir jaf li Violet kienet Logutenent Kurunel u ġiet msejjħha biex tgħin fil-qagħda perikoluża li l-Amerika bdiet tħabbat wiċċha magħha. Brenner minnaħa tiegħu jissejjaħ fil-White House mill-President sieħbu Cooper biex jagħti parir fuq x’jista’ jsir biex iġibu fix-xejn il-għadu li qiegħed jattakka d-dinja. Brenner bħala espert tal-vidjowgejms, jirrikonoxxi li dawn l-aljeni kienu jagħtu lemħa lill-aljeni tal-vidjowgems fosthom il-loghba Galaga. Xi strateġija jistgħu jużaw biex jingħelbu dawn l-aljeni? Brenner jiġbor madwaru lil sħabu: Ludlow u Eddie. Violet ukoll toffri l-għajnuna billi tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom erba’ karozzi u magħhom jingħaqad iġ-Ġappuniż, Toru Lwatani, li ħoloq il-logħba tal-vidjowgems. X’jiġri minn hawn?
Film bi 3D, taħt id-direzzjoni ta’ Chris Columbus, nassistu għal attakki feroċi minn aljeni fuq id-dinja meta dawn nterprettaw ħażin informazzjoni li n-NASA bagħtet fuq il-kultura dinjija u ħasbu li kienet dikjarazzjoni għal ġlied. Il-President ta’ l-Amerika, jsejjaħ lil shabu tat-tfulija, Sam Brenner Ludlow Lamonsoff u Eddie Plant, esperti tal-vidjowgems biex jipprovaw iġibu fix-xejn dawn l-attakki. Minħabba ċajt u kliem goff tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.