-
-
*****
Direttur: Paul King
Atturi: Hugh Bonneville, Sallly Hawkins, Brendan Gleeson, Julie Walters, Jim Broadbent,
Peter Capaldi u Hugh Grant
Leħen Paddington: Ben Whishaw
Ħin tal-Film: 103 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Paddington, l-ors Peruvjan, jinsab jgħix kuntent fil-famija Brown ġewwa Windsor Gardens. Hu sar parti mhux biss mill-famija Brown, iżda wkoll mill-komunità tad-distrett kollu fejn kien joqgħod. Hu kien sar popolari ħafna għaliex kellu karattru tassew ħelu, dejjem lest li jsellem lil kulħadd u jgħin fejn hemm bżonn.
Jum wieħed, kien f’ħanut li jbiegħ ħwejjeġ antiki u sab ktieb antik pop–up li meta fetħu sab xeni ħelwin ta’ Londra. Moħħu mill-ewwel mar biex jixtrieh dan il-ktieb biex ikun jista’ jippreżentah bħala rigal lil zitu Lucy f’għeluq sninha. Iz-zija Lucy kienet dik li salvatlu ħajtu tant snin ilu u li flimkien mar-raġel tagħha bagħtuh Londra biex ikollu futur aħjar. Lucy kienet sejra tagħlaq mitt sena u Paddington ħass li għandu jippreżentalha rigal sabiħ u minħabba li hi qatt ma kienet marret Londra, tal-inqas ikollha idea ta’ din il-belt sabiħa, b’tant xeni sbieħ. Il-ktieb kien antik ħafna u kien jiswa’ ħafna flus. Mr. Gruber li kien jieħu ħsieb il-ħanut wegħdu li jżommulu biex meta jfaddal biżżejjed flus ikun jista’ jixtrih u hekk jibgħatu lil zitu ġewwa l-Peru.
Paddington beda jaħdem, inaddaf il-ħġieġ tat-twieqi. Jum wieħed il-ktieb li tant xtaq, insteraq mill-ħanut. Paddington ra lill-ħalliel u mar għal warajh billi għamel użu tajjeb mill-kelb ħabib tiegħu. Sfortunatament, il-pulizija minflok arrestat lill-ħalliel arrestat lil Paddington u sab ruħu kkundannat il-ħabs għall-għaxar snin. Il-familja Brown għamlet minn kollox biex jinstab il-ħalliel veru u hekk jinħeles Paddington. Stampaw kartelluni bi xbiha tal-ħalliel kif kien iddeskrivih Paddington, iżda kien kollu għalxejn. Il-ħalliel li seraq il-ktieb kellu għanijiet oħra għaliex f’Londra bdew isseħħu sensiela ta’ serqiet. X’kien qiegħed jiġri? B’xorti tajba, Paddington, minħabba l-karattru ħelu li kellu, malajr għamel ħbieb mal-ħabsin. X’jiġri minn hawn? Tgħid jinqabad il-ħalliel biex Paddington mhux biss jinħeles mill-ħabs iżda wkoll ikun jista’ jippreżenta r-rigal li tant xtaq jagħti lil żitu?
Film Ingliż, mimli azzjoni u parti animat, taħt id-direzzjoni ta’ Paul King, kitba ta’ King u Simon Farnaby, imsejjes fuq l-istejjer tal-karattru Paddington Bear, maħluq minn Michael Bond. Film ħelu ħafna, b’mesaġġi pożittivi, fejn juri it-tjubija ta’ Paddington u l-apprezzament li wera lejn dawk kollha li għinuh, fosthom il-familja Brown u z-zija Lucy.