• ****

     
    Direttur: Paul King
    Atturi: Hugh Bonneville, Sally Hawkins, Julie Walters, Jim Broadbent, Peter Capaldi, Nicole Kidman u Ben Whishaw (leħen tal-ors)
    Ħin tal-Film: 95 min.
     
    Klassifika taċ-Ċensura: U
    Klassifika tal-Knisja: U
     

    Esploratur Ngliż, f’waħda mill-espedizzjonijiet tiegħu ġewwa l-Peru, jiskopri numru ta’ orsijiet li fl-imġieba tagħhom u l-kommunikazzjonij ta’ bejniethom kienu jixbħu ħafna l-ġens uman. Tant baqa’ mistgħaġeb  b’dak  li ra u sema’, li ma kellux qalb jieħu kampjun miegħu biex jagħti prova tas-sejba tiegħu ġewwa il-ġungla ta’ Peru. Qabel ma ħalla l-ġungla, għamel stedina li jekk xi ħadd mill-orsijiet jagħmel il-ħsieb li xi darba jivvjaġġa għal Londra, ta assigurazzjoni li hemm sejjer isib merbħa kbira. L-iżgħar fost dawn l-orsijiet xtaq ħafna li jagħmel din l-esperjenza tant li wara diżastru li seħħ fil-ġungla meta kien hemm terremot qawwi li qered għal kollox il-post fejn kienu jgħixu,  dan l-ors żgħir telaq lejn Londra, jittama li jsib xi familja fejn tkun tista’ tieħu ħsiebu. Meta jasal fl-istazzjon ta’ Paddington, waħdu u ma jafx x’jaqbad jagħmel,  intebaħ li wara kollox belt bħal Londra ma kienitx belt faċli li tagħmel  ħbieb. Iżda kollox jinbidel, meta l-Familja Brown iltaqgħet miegħu u qrat it-tabella li kellu mdendla ma’ għonqu: “Jekk jogħġobkom, ħudu ħsieb dan il-ors”. Il-fteħim sar li l-Familja Brown tieħu ħsiebu għal ftit jiem għaliex Paddington, issa li kien ingħata isem, assigurhom li l-esploratur li darba kien iltaqa’ miegħu ġewwa l-Peru kien lest li joffrilhu kenn. Il-problema kienet biex isib min kien dan l-esploratur u fejn kien joqgħod! Fit-tfitxija li Paddington u l-Familja Brown bdew jagħmlu, tinġibed l-attenzjoni tal-kap li kienet tmexxi l-Mużew ta’ annimali ta’ kull tip u sura, issa ibbalzmati. X’jiġri minn hawn? Tgħid l-ors kien jinsab f’periklu ta’ ħajtu jekk jinqabad minn din il-mara? U wara kollox min kienet din il-mara li kienet tant ħerqana li fil-Mużew li kienet tmexxi, jkollha kampjun ta’ ors mill-Peru?

    Film Brittaniku, kummiedja ħelwa li tlaqqgħana ma’ ors żgħir li jingħata l-isem ta’ Paddington, l-isem tal-istazzjon ta’ ferrovia fejn kien instab mill-Familja Brown. Il-film hu msejjes fuq il-grajjiet ta’ dan l-ors, miktubin minn Michael Bond u li kienu u għadhom tant popolari mat-tfal. L-istorja tal-film toffri messaġġ pozittiv ħafna u żgur għandu jogħġob kemm lit-tfal kif ukoll lill- kbar.