• ***

    Direttur: Jon M. Chu
    Atturi: Jesse Eisenberg, Woody Harrelson, Mark Ruffalo, Dave Franco
    Ħin: 129 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
     
    Klassifika tal-Gvern: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Wara s-serqa li kienu għamlu fit-tmiem tal-ewwel film “Now You See Me”, il-‘Horsemen’, aġenti sigrieti tas-CIA mħarrġin fil-maġija, sfaxxaw. Wara xi żmien il-kap ġdid tagħhom, l-aġent tas-CIA Dylan Rhodes, jerġa’ jsejħilhom fis-servizz. J. Daniel Atlas, illużjonist gwapp, Merritt McKinney, ipnotist, u Jack Wilder, magician, jirritornaw, iżda minflok Henley Reeves tingħaqad magħhom Lula, illużjonista oħra. Rhodes irid jivvendika ruħu minn Thaddeus Bradley, ħabib sigriet tal-Horsemen; Rhodes kien ra lil missieru, li kien escape artist, jegħreq waqt stunt li kien qed jagħmel u li marret ħażin, u waħħal f’Thaddeus, li kien hemm ukoll, għal mewt ta’ missieru. Wara li missjoni tal-‘Horsemen’ tmur ħażin, huma jinħatfu, jittieħdu Macau u jingħataw f’idejn il-ġenju malinn Walter Mabry. Huma jinħasdu għax kienu jaħsbu li Walter, li warajh kellu l-manager li kellhom qabel, il-biljunarju Arthur Tressler, kien mejjet. Walter issa jrid li l-Horsemen jisirqu “the stick”, circuit board tal-computer li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għall-informazzjoni ta’ kwalunkwe computer  li jrid. ‘The stick’ jinsab f’safe enormi u mgħasses tajjeb, iżda huwa ċatt u daqs ta’ karta tal-logħob u jista’ jiġi moħbi faċilment. Biex iwettqu din is-serqa, il-‘Horsemen’ ikollhom jitgħallmu jiġbdu ħabel wieħed u jaħdmu flimkien.
     
    Film thriller, it-tieni wieħed fis-serje ‘Now You See Me’, b’għadd ta’ atturi ta’ klassi li ħadmu wkoll fl-ewwel film. Film interessanti għalkemm xi ftit imħawwad. Il-messaġġ tal-film huwa li m’għandekx dejjem temmen dak li tara. Il-film fih xi xeni ta’ vjolenza u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15-il sena.