-
Non Stop
-
****
Direttur: Jaume Collet-Serra
Atturi: Liam Neeson, Lupita Nyong’o, Julianne Moore, Nate Parker, Michelle Dockery, Linus Roache u Corey Stoll
Ħin tal-Film: 106 min
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Bill Marks, marixxal tal-ajru, jinsab fuq waħda mit-titjiriet li kien issoltu jagħmel bħala parti mix-xogħol tiegħu. Sfortunatament, barra li Marks kellu jiġi wiċċ imbwiċċ ma’ traġedja fil-familja, kellu wkoll il-problema tax-xorb u din kienet qegħda tikkawża problema kbira biex iżomm l-impjieg tiegħu. F’din it-titjira ġie assenjat jieħu ħsieb it-titjira bejn New York u Londra. Kollox kien jidħer sejjer sew sakemm Marks jirċievi messaġġ minn passiġġier anonimu fejn kien igħidlu li jekk f’għoxrin minuta ma jgħaddux $150 miljun fuq kont bankarju reġistrat barra mill-Amerika, wieħed mill-passiġġieri kien sejjer imut. Marks mill-ewwel jinxteħet fuq l-azzjoni. Li kienet qegħda tħawdu kien il-fatt li dak li kien qiegħed jibgħat il-messaġġi kien qiegħed jagħmilha ċara li kien Marks stess li kien sejjer iwettaq id-delitti u li l-kont bankarju ma kienx ħlief tiegħu stess. Marks jirnexxielu jsib għajnuna minn Jen Summers, passiġġiera li kienet bilqegħda qrib tiegħu fuq l-ajruplan u anke ta’ Nancy, ħabiba antika tiegħu li kienet fuq it-titjira bħala stewardess. Iż-żmien kien għaddej ġmielu u Marks anke jibda jiddubita minn dawn it-tnejn li kienu qegħdin jgħinuh. Min kienet fil-fatt, Jen? U kemm tabilħaqq hu kien ħabib intimu ta’ Nancy? Dawn id-dubji bdew jagħmluha iktar diffiċli biex Marks isib tarf il-problema u jwaqqaf lil dik il-persuna li qiegħed jagħmel din it-tehdida serja. Id-delitti jibdew iseħħu. Marks jibda jissuspetta f’kulħadd. Iżda min seta’ kien dak li bla kuxjenza ta’ xejn kien qiegħed ipoġġi l-ħajja ta’ tant nies innoċenti f’periklu serju? Il-problema tkompli tikber meta Mark jiġi mixli li hu stess kien qiegħed jaħtaf l-ajruplan li fuqu wkoll kien hemm bomba tal-ħin. Tgħid Marks jirnexxielu ssolvi l-problema qabel ma jkun tard wisq?Film maħdum tajjeb ħafna, bl-attur Liam Neeson jibbrilla fil-parti li ghandu ta’ marixxal tal-ajru. Film drammatiku, mimli tensjoni u li jżommok fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Minhabba vjolenza u xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.