-
-
***
Direttur: Ben Kellett
Atturi: Brendan O’Carroll, Eilish O’Carroll, Nick Nevern, Paddy Houlihan, Fiona O’Carroll, Jennifer Gibney, Sorcha Cusack, Keith Duffy u Danny O’Carroll
Ħin tal-film: 94 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12Agnes Brown hi omm ta’ sitt itfal u taħdem f’suq miftuħ, tbiegħ frott u ħaxix. Sfortunatament membru parlamentari, P.R. Irwin, ftiehem ma’ negozjanti Russi biex dan is-suq jinbidel f’ċentru kummerċjali. Il-posta ta’ Agnes kienet sejra jmissha x-xorti li tkun waħda minn dawn li jinxtraw. Sadanittant, Agnes isir taf li kellha taxxa xi tħallas ta’ 4 miljun Euro dejn li kien baqa’ ma tħallas minnaħa tan-nanna tagħha żmien ilu u li issa akkumola f’taxxa eżuberanti. X’sejra tagħmel Agnes u kif sejra tħallas din it-taxxa? Irwin juri nteress li jixtri l-posta. Agnes tkun sejra ċċedi għal pressjoni iżda Winnie tagħti l-aħbar lil dawk kollha li kellhom xi posta f’dan is-suq. Dawn jibdew jinkoraġġixxu lil Agnes biex tiġġieled lil dawn l-ispekulaturi. Il-ħabiba ta’ Agnes, Philomena Nine Warts itgħarraf lil Agnes li n-nanna tagħha kienet ħallset it-taxxa flimkien ma’ nannitha fl-uffiċju tat-taxxa tant snin ilu. Dan kien ifisser li Agnes mhux minnu li kellha xi taxxa xi tħallas. In-nanna ta’ Philomena kienet għada ħajja u kkonfermat dak li qalet Philomena iżda sfortunatament tmut b’daqqa ta’ xarabank. Il-każ fil-qorti ġibed ħafna attenzjoni mill-media. Agnes ħadet fama nazzjonali bħala omm armla li għamlet ħafna sagrifiċċji biex trabbi l-familja waħedha bla ma tpoġġi t-tfal tagħha taħt il-kura tas-sorijiet. Iżda r-Russi, b’għerq kbir, isiru jafu li dan ma kienx minnu. X’sejra tagħmel issa Agnes? Il-każ tagħha fil-qorti kien jidher mitluf. Ħaġa waħda kien hemm bżonn li ssir: dak li jippruvaw isibu l-irċevuta ta’ meta tħallset it-taxxa tant snin ilu. Kif sejjer isir dan?
Film kummiedja msejjes fuq tele-serje magħrufa bħala Mrs. Brown’s Boys li kienu popolari ħafna fil-Gran Brittanja u l-Irlanda. Fil-film niltaqgħu ma’ Mrs. Brown li biex tipproteġi il-posta tagħha li minnha kienet taqla l-hobża ta’ kuljum kien hemm bżonn li tidhol il-qorti. Minħabba xi kliem u ċajt goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax–il sena.