• *****

    Diretturi: Ron Clements u John Musker            
    Ilħna: Auli’i Cravalho, Dwayne Johnson, Rachel House, Temuera Morrison, Jemaine Clement, Nicole Scherzinger u Alan Tudyk

    Ħin tal-Film: 103 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-CENSURA: PG
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG

    Te Fiti hi alla mara li ħolqot kull ħajja u wara saret gżira. Qalbha hi ġebla żgħira ħadranija u lluminata. Din il-qalb tinsteraq minn Maui, nofsu alla u nofsu bniedem bl-intenzjoni li jikkontrolla qawwietha. Iżda Te Ka, id-demonju tal-lava kkonfrontah b’riżultat li l-qalb ta’ Te Fiti kif ukoll il-bastun maġiku li kellu Maui spiċċaw mitlufha fl-oċean. Jgħaddu elf sena u nsibu lil Moana Waialiki, it-tifla eredi tal-kap ta’ gzira ċkejkna Polinesa bl-isem ta’ Motonui, ssib fuq ix-xtajta l-qalb ta’ Te Fiti hekk kif kienet qegħda tfittex arżelli qrib l-oċean. Missierha kien kuntent li l-gzira kienet tipprovdi kollox u għalhekk ma kienx hemm ħtieġa biex wieħed joħroġ ‘l barra sakemm jum wieħed jiġi rrapurtat li l-ħut sar skars u l-frott u l-ħaxix beda jinxef. Moana, issa tfajla ta’ sittax –il sena tipproponi li jibdew jistadu ‘l barra. Iżda Tui, missierha, b’rabja, ma jaċċettax it-talba ta’ Moana. Omm Moana tistqarr li Tui kien jibża’ ħafna li wieħed joħrog ħafna ‘l barra għaliex darba kien tilef wieħed mill-aqwa ħbieb li kellu meta dawn ħarġu wisq ‘l barra. Iżda Moana ma qatgħetx qalbha u darba ħarġet ‘l barra. B’xorti tajba, iżda, li ma  spiċċatx magħrqa. Fuq ix-xtajta, n-nanna Tala turija ġewwa għar kbir u moħbi minn għajn in-nies, flotta kbira ta’ dgħajjes.Dan kien ifisser li t-tribu darba kien  jivvjaġġa minn post għall-ieħor. Tala fuq is-sodda tal-mewt tgħaddi l-qalb ta’ Te Fiti lil Moana u tħeġġiġha biex titlaq mill-gzira wara li kienet urita kif keient setgħet isib lil Maui li kien seraq qalb Te Fiti. X’jiġri meta Moana ssib lil Maui bil-bastun maġiku, li għalkemm ma tantx kien mħeġġeġ biex imur magħha biex isib lil Te Fiti, kellu jaċċetta. Magħhom kellhom ukoll serduq li kellu jilgħab ukoll il-parti tiegħu? Hawn nassistu għal vjaġġ kollu avventuri li jgħaddu minnhom dawn it-tlieta.  

    Film Amerikan, hu animat bi 3D, komputirizzat, mużikali u bi storja fantasija, prodott ta’ Walt Disney Animation. Dan huwa s-sitta u l-ħamsin film animat u bla dubju ta’ xejn wieħed mill-isbaħ li qatt inħadem. Minħabba xi xeni li jistgħu jimpressjonaw lit-tfal ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkompanjati minn xi adult.