10 ta’ Marzu, 2011
Knisja S.Pawl, ir-Rabat
Ħuti,
bħalma tafu din hi t-tielet darba f’dawn l-aħħar snin li qegħdin niltaqgħu biex aħna nagħmlu talb għall-istaġun tal-festi u għall-festi li jsiru fil-pajjiż tagħna.
Nagħmlu talb l-ewwel nett għal persuni li ħafna drabi, b’ħafna sagrifiċċji jagħtu s-sehem tagħhom ħalli jsiru dawn il-festi. U nitolbu wkoll biex anke dawn il-festi, bħal kull ħaġa li aħna nemmnu fiha bħala komunita nisranija, ikollhom dejjem aktar spirtu nisrani għaliex il-festi nibtu mill-fidi tal-poplu nisrani u nemmnu li anke llum għandhom sens x’jagħtu lil-kultura nisranija Maltija għal dik li hija l-mixja spiritwali tal-poplu tagħna.
Aħna llum kumbinazzjoni qed nagħmlu din il-quddiesa kif għadna kif bdejna r-Randan. U r-Randan huwa dak iz-zmien li kull nisrani, hu min hu u jagħmel x’jagħmel, huwa dak li l-ħin kollu irid jaħdem fuqu nnifsu u jara ftit x’inhi l-mixja li minnha trid toħroġ il-ħidma kollha tiegħu. Allura anke fil-kuntest tal-persuni li huma nvoluti fil-festi, bħal kull ħaġa oħra, in-nisrani l-ewwel jagħmel riflessjoni: jiena bħala nisrani, jien min jien u x’suppost li nkun? Imbagħad, it-tieni riflessjoni: allura fuq kull ħaġa – semmejniha fil-pastorali tagħna fuq iż-żwieġ, insemmiha anke qiegħed nagħmel dawn il-Viżti pastorali – biex imbagħad dak li joħroġ minn kull wieħed u waħda minna, ikun verament nisrani skont il-Qalb ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Il-Lezzjonijiet tal-lum m’għażilnihomx aħna; il-lezzjonijiet huma tal-ġurnata tal-lum il-Ħamis wara l-Erbgħa tal-Irmied u diġa jagħtuna dawl: imma min hu n-nisrani? Fil-Vanġelu tal-lum, aħna għandha ’l Sidna Ġesu’ Kristu li huwa l-mappa tan-nisrani; huwa dak li jimxi wara Ġesu’, huwa dak li n-nisrani xi darba f’ħajtu qallu: Mulej irrid nimxi fuq il-passi tiegħek, mhux fuq passi oħrajn, imma rrid nimxi fuq il-passi tiegħek. U Ġesu’ fil-Vanġelu spjegalna daqsxejn x’inhuma: l-ewwel dik li hi t-triq li jrid jgħaddi hu, tiftakru? Min jaf dawk l-appostli mexjin warajh kuntenti, x’dieqa ħassu meta semgħu lil Mulej Ġesu’ f’daqqa waħda jgħidilhom: mhux din biss, għax jiena, l-Iben t’Alla, għad irid ibati, għad irid imut u għad irid iqum. U daħħalha fil-misteru li huwa l-misteru ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax aħna wkoll bħal Ġesu’. Hu mexa qabilna biex aħna nimxu warajh; jalla ma jkollniex tbatija, imma ċert li aħna rridu nimxu mit-triq tal-mewt ta’ kull wieħed u waħda minna – jiena u intom – biex fl’aħħar bil-grazzja tal-Mulej Ġesu’ inkunu nistgħu nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem f’dan il-misteru.
Ġesu’ qalilhom: dik hija t-triq tiegħi. U għamlilhom bħalma jagħmel is-soltu. Ġesu’ mhux jimponi; Ġesu’ jgħidilna x’inhi t-triq u jħalli f’idejna. U lid-dixxipli qalilhom: min irid jimxi warajja, irid jerfa’ salibu u jimxi warajja. U l-misteru tal-mewt u l-qawmien, qalilhom Ġesu’, mhuwiex biżżejjed fl’aħħar ta’ ħajjitna – dik hija ħaġa naturali – imma hija xi ħaġa li rridu nimxu fil-ħajja tagħna. Fil-kliem tal-Mulej Ġesu’, irridu nitilfu biċċa minn ħajjitna biex nakkwistaw dak li hu spiritwali. Biex nieħdu ezempju ta’ dak li qalilna l-Mulej Ġesu’. Biex titolbu, intom, biex ngħid hekk, tliftu biċċa minn ħajjitkom; tliftuha biex erġajtu akkwistajtuha fil-Mulej Ġesu’ għax ġejtu għal quddies.
Allura din hija l-ewwel riflessjoni li rridu nagħmlu: kull ma jagħmel in-nisrani fil-Knisja u f’kull ma jagħmel in-nisrani fis-soċjeta, irid jibda minn dak it-twemmin li għandu ġewwa qalbu li hu jrid jagħmel sehem minn dan il-misteru kbir. Jekk inti fil-Kummissjoni diakonia, trid tiftakarha. Jekk jiena Isqof irrid niftakarha. U anke jekk jiena nħobb ħafna li nagħti s-sehem tiegħi fil-Knisja permezz tal-festi, jiena rrid niftakarha. Ma jista’ jkun hemm l-ebda parti mill-komunita nisranija li tgħid: ħa nwarrabha din u nimxi t-triq tiegħi, le! Mela din hija l-ewwel riflessjoni li qed jagħmlilna l-Mulej Ġesu’.
Infatti fl-ewwel lezzjoni tal-lum rajna lil Mosé fil-Ktieb li aħna nafuh bħala l-Ktieb tad-Dewteronomju. U f’dan il-ktieb Alla l-Imbierek, permezz ta’ Mosé, qal lil dan il-poplu: il-ġlieda kbira li kull wieħed u waħda minna, il-poplu ta’ l-Antik Testment, allura l-Knisja llum, għandha quddiema dan il-kliem: “Jien poġġejtlek quddiemek il-barka u s-saħta u l-għażla ma tiddepen-diex minn Alla l-Imbierek, mhux minni tiddependi, poġġejtielek quddiemek u inti trid tagħżel. Tafu x’inhi. Hija l-ġlieda bejn dak li jwassal biex Alla l-Imbierek inħallih ħdejja u nħallih ikabbarni bil-grazzji tiegħu, jew inkella min naħa l-oħra għażlu t-triq li fil-kliem ta’ Ġesu’ qal li hi saħta, it-triq il-ħażina, it-triq li ma twassalx, u min ħa jagħżilha? Min jagħżel dik it-triq ma jistax ikollu l-barka għax hija triq li ma twassalx.
Għalhekk f’dan iż-żmien tar-Randan naħseb aħna lkoll irridu nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni, kemm bħala parroċċa, kemm personali, kemm fi gruppi, kulħadd. U rridu nagħmluha. Liema hi t-triq li twassal biex jien ikolli l-barka? Hija t-triq tal-Mulej Ġesu’ u liema hi dik it-triq li turina biċ-ċar Ġesu’? Ġesu’ ma kienx bħar-riklami, li jgħidulna kollox sew. Ġesu’ jurina: din ma twassalx, din tagħmluhiex, din skartawha; ċar kien. Għalhekk importanti inkunu nafu l-Vanġelu ħa nkunu nafu t-triq tal-barka liema hi. U bħalma kull grupp f’dan ir-Randan, tisimgħu l-eżerċizzi, personali, gruppi, anke dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-festi, bħall-oħrajn kollha, naħseb kieku jiena nipproponi f’dan iż-żmien tar-Randan, ikun hemm mumenti fejn inkunu fina nfusna u ngħidu: isma’ dan il-grupp tagħna fiex inhu? Dan il-kumitat tal-festa, armar, hu x’inhu, liema hi din it-triq li aħna rridu nagħżlu: it-triq tal-barka jew it-triq ta’ nuqqas ta’ barka? U rridu nagħmlu għażla bħal kull nisrani. Inkella anke l-gruppi tagħna, kull grupp ta’, jistgħu jkunu gruppi oħrajn irid ikollna triq ċara, triq dritta u nimxu fuqha.
Din ir-riflessjoni tiegħi nixtieq inpoġġieha madwar: imma x’inhi din it-triq? Hija sabiħa għaliex il-bierah l-Erbgħa ta’ l-Irmied, kellna triq li tul ir-Randan il-Knisja qiegħda toffrilna mhux għax il-Knisja qed toffriha għax it-triq ħadniha mill-kelma tal-Mulej Ġesu’. Ħa nfakkarkom daqsxejn. Aħna qed nitkellmu mod speċjali ma’ din ir-realta importanti, qawwija, li hi tal-Knisja u llum semmejna tlett affarijiet mod speċjali fir-Randan, biex in-nisrani jipprova jqawwiha.
L-Ewwel: Tiftakru meta Ġesu’ l-bieraħ qalilna: meta titolbu kunu waħedkom, anke ġewwa qalbkom, titolbux biss għal wiċċ in-nies għaliex it-talb irid jibda mill-qalb tagħna, quddiem Alla l-Missier u kapaċi nitkellmu miegħu. Allura naħseb l-ewwel riflessjoni u fil-kuntest tal-festi li rridu nagħmlu f’dan iż-żmien tar-Randan nixtieq li kull grupp jagħmel daqsxejn ta’ riflessjoni. It-talb tagħna, il-mod tagħna li jkollna l-festi, aħna qegħdin inwasslu biex ngħinu lil dawk li jridu verament jitolbu u ngħinuhom jitolbu? Qegħdin nagħmlu dawk l-affarijiet kollha biex kull min jiġi – u hemm min – li kull min jiġi għall-festa jew talanqas min jiġi bi spirtu tajjeb għall-festa ikun jista’ jgħid: mort għall-festa u ħassejtni iktar inħobb ’l Mulej Ġesu’? Dejjem ftakru mhux lil qaddis. Kieku jkun hawn il-qaddisin kollha u ngħidilhom: taf kemm inħobbkom, taf kemm inħobbkom? Jiena żgur li dak il-qaddis, hu min hu, ħa ngħidu S. Pawl li qiegħed hawn, jgħidli: imma mhux lili ta, tgħallem xi ħaġa minn għandi, imma ħobb ’l Mulej Ġesu’. Mhux lili, tieqafx fija. Għax huma, il-ħajja tagħhom kienet li jipprietkaw mhux lilhom infushom imma ’l Mulej Ġesu’.
It-Tieni ħaġa li qalilna l-bieraħ Sidna Ġesu’ Kristu, tiftakru? Qalilna fuq is-sawm u sawm x’inhu? Ħafna drabi s-sawm norbtuh ma’ l-ikel u sewwa nagħmlu. Il-bieraħ kienet ġurnata sawm; nieklu inqas mis-soltu. Imma s-sawm fih tifsira iktar kbira. X’inhu s-sawm? Is-sawm huwa eżerċizzju li nagħmel fuqi nnifsi ħalli jkolli kontroll fuq dak li nagħżel. Dak li jfisser is-sawm. Meta nsum jiena nisaħħah biex anke t-tentazzjoni nkun nista’ negħelibha biex meta anke tiġi xi ħaġa f’moħħi, ngħid le għax jien b’saħħti biżżejjed. Għaliex la kont kapaċi nsum inkun kapaċi negħleb kull ħaġa li tfixkilni. Allura naħseb it-tieni riflessjoni f’dan ir-Randan li qiegħed jipproponi l-Mulej la qed nistenna f’atmosfera ta’ festa anke għal dawk li huma tal-festa, hija propju: imma fil-festi tagħna liema huwa s-sawm li Alla l-Imbierek iridna nagħmlu f’dan iż-żmien? Liema huwa l-kliem li jridna nsumu minnu biex ma ngħiduhx? Liema huma l-għemejjel li jridna nsumu minhom biex ma nagħmluhomx? Liema huma l-esaġerazzjonijiet li jridna nsumu minnhom biex aħna ma nagħmluhomx? Ma jistax ikun li Ġesu’ jurina s-sawm tal-ħajja personali tagħna u ma juriniex dan ukoll.
It-tielet kelma li rajna l-bieraħ, Sidna Ġesu’ qalilna: meta intom tagħtu l-karita tmorrux quddiem kulħadd u turu li tajtu l-karita, imma oqogħdu weħidkom ma’ Alla l-Missier; l-id il-leminija m’għandhiex tkun taf – Għaliex qed jgħidilna hekk il-Mulej Ġesu’? Għax hemm xi ħaġa ħażina billi kultant, ma jistax ikun li qalbi tkun mimlija suppervja, egoiżmu eċċ, imbagħad nidher qed nagħti xi ħaġa? Le mhux hekk. Le mhux hekk! Jiena qed nagħti xi ħaġa għaliex qalbi diġa mlejtha quddiem Alla l-Missier, ngħidlu: Mulej, jiena nħobb lil kulħadd. U allura t-tielet ħaġa naħseb li rridu nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni f’dan iż-żmien, anke fuq ir-realta tal-festi. Mhux il-festi biss, anke aħna s-saċerdoti, bejna nfusna, kulħadd! Irridu nagħmlu daqsxejn ta’ eżami tal-kuxjenza: imma l-festi tagħna qegħdin iservu biex din ix-xewqa kbira ta’ Alla l-Imbierek, tal-karita, li nħobbu lil xulxin, nagħtuha n-nar? Jew allaħares qatt, kultant il-festi tagħna iqegħduna bogħod minn din li hija l-karita ġewwa qalbna? U allura forsi bl’għemejjel tagħna, kultant inqanqlu lil xi wħud biex, minflok ma jħobbu, iktar jifirdu? Kultant issibha. Allura kull min ikun fil-festa li għandu n-nar tal-Mulej Ġesu’ f’qalbu, irid jgħid: le, il-festa tiegħi trid twassal kemm ħabbejt ir-raħal tiegħi kollu; il-festa trid tkun kemm ħabbejt anke r-raħal ta’ madwari u l-festa tagħhom ukoll. Għax inkella tkun kontra dak li l-Mulej Ġesu’ qed jagħtina bħala Randan.
Jien ħa nagħlaq. Nitlobkom verament, tul dan ir-Randan, intom tagħmlu talb speċjali għall-Knisja kollha, għal affarijiet oħrajn ukoll żwieġ, familja, imma peress li qegħdin hawnhekk f’din il-quddiesa nitlobkom ħafna biex dawk kollha, knisja, aħna u dawk li jorganizzaw il-festi, ikunu ħaġa waħda flimkien ħalli dak kollu li jixtieq il-Mulej fil-fatt ikun jista’ jseħħ anke permezz tal-festi.
+ Pawlu Cremona
Arċisqof ta’ Malta